Lokali

FILMAT: Jimrad b’tumur f’rasu, u jgħinuh sħabu tal-iskola ta’ 26 sena ilu

Minkejja li ilhom 26 sena ma jiltaqgħu, mill-bankijiet tal-iskola, grupp ta’ ħbieb ingħaqdu biex jgħinu lill-ħabib tagħhom li marad serjament

Minkejja li ilhom għal 26 sena mingħajr kuntatt, grupp ta’ ħbieb tal-iskola reġgħu ngħaqdu hekk kif saru jafu li wieħed minnhom marad serjament. Sfortuntatament, dawn is-47 ħbieb saru jafu li seħibhom marad b’tumur f’post delikat f’moħħu – għaldaqstant jirrikjedi kura partikolari li hi provduta barra minn Malta u għalhekk hemm bżonn ta’ għajnuna biex ittaffi għall-ispiża finanzjarja. Gian Franco Stellini, wieħed mill-grupp ta’ ħbieb li kienu jattendu l-kulleġġ St. Edwards, spjega kif kollox beda minn grupp fuq Whatsapp.

Saħansitra huma stess u l-familjari tal-ħabib tagħhom fil-bżonn baqgħu mistgħaġba kif minkejja li għaddew 26 sena u kulħadd mexa għal triqtu, din is-sitwazzjoni reġgħet għaqdet lil dawn il-ħbieb antiki fil-mument ta’ bżonn, kif spjega Fabien Vella.

Ritratt minn reunion tal-grupp ta’ ħbieb

Iżda minkejja li issa qed jipprovdu sapport morali – hemm bżonn l-għajnuna finanzjarja għal din l-operazzjoni delikata. S’issa minn total ta’ €75,000 irnexxielhom jiġbru kważi nofs is-somma,  €32,000. Minkejja din is-somma sabiħa f’temp qasir – jonqos ħafna aktar, u għalhekk dan il-grupp ta’ ħbieb se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet sabiex jilħaq is-somma finali u jilħqu l-għan aħħar tagħhom – dik li l-ħabib tagħhom jerġa’ jingħaqad magħhom.

Biex wieħed jgħin f’din il-kawża ġusta – wieħed jista’ jidħol fis-sit gogetfunding.com (agħfas fuq il-link) – u tfittex għall-kampanja: ’47 class mates’. Inkella wieħed jista’ jagħmel bank transfer fuq dawn id-dettalji bankarji:

Dettalji tal-Bank: Bank of Valletta
Numru tal-Kont Bankarju: 4002532441-7
Isem tal-Kont: HOPE