Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Qbil bejn l-Istati Membri biex jitwaqqfu ċentri tal-immigrazzjoni mal-fruntieri tal-UE

Il-mexxejja Ewropej qablu li trid tiżdied is-sigurtà mal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea

Matul dan il-lejl tlaqqa’ l-Kunsill Ewropew fi Brussell, fejn sar qbil unanimu biex jitwaqqfu ċentri mal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, fejn fihom jiġu milquha l-immigranti u jsir il-proċess għall-asil u identifikazzjoni. Is-summit bejn il-mexxejja Ewropej beda l-Ħamis wara nofsinhar fejn baqa’ għaddej għal disa’ sigħat sħaħ, sas-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu.

Il-mexxejja tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea qablu li  minbarra jinfetħu dawn iċ-ċentri, se jiżdiedu l-isforzi biex jikkontrollaw il-fruntieri, dan filwaqt li jiżdied l-iffinanzjar lill-Marokk, lit-Turkija u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq biex tiġi indirizzata l-problema tal-immigrazzjoni mill-punt tat-tluq – partikolarment mill-Libja. Filfatt ġie allokat mal-€500 miljun mill-baġit Ewropew fit-Trust Fund tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika.

Il-mexxejja qablu li l-miżuri kollha li se jittieħdu f’dawn iċ-ċentru, li se jinkludu r-rilokazjoni ta’ persuni fl-istati membri, se jkunu fuq bażi volontarja. Fil-ftehim, sar aċċenn għall-fatt li l-immigrazzjoni m’hijiex problema ta’ pajjiż wieħed – u għalhekk il-piż irid jintrefa mill-Unjoni Ewropea sħiħa.

Fid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, jidher li hemm l-intenzjoni li l-problema tiġi indirizzata mill-qofol tagħha – u taspira li tneħħi l-privileġġi u l-inċentiv tat-traffikanti tan-nies. B’hekk se titnieda struttura u pjan ta’ żbark tal-persuni li qed jivjaġġjaw lejn l-Ewropa b’mod irregolari abbażi reġjonali, jiġifieri jittieħdu fl-eqreb ċentru jiddependi l-post minfejn jinġabru l-immigranti.

Il-mexxejja Ewropej stqarru li minbarra li trid tiżdied is-sigurtà mal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, iridu jiżdiedu l-isforzi tas-sigurtà fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea hekk kif din tista’ tkun strumentali għall-integrità tas-sistema Schengen u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.