Lokali Saħħa

Rabja fost l-infermiera għall-kundizzjonijiet li “għajjewhom”

Nagħti servizz lill-pajjiż imma m’inix is-servjent tal-pajjiż. Għandi bżonn inkun rikonoxxuta tar-rwol tiegħi bħala infermiera speċjalizzata u nitħallas sew tax-xogħol li nagħmel minflok ma ninqasam bis-sigħat żejda biex indawwar dik li hi meqjusa bħala paga tajba f’Malta.

Hekk kitbet infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u li fuq Facebook qalet li ħasset il-ħtieġa li twieġeb lil min iħoss li għandu jnaqqas mill-valur għax-xogħol siewi li jagħmlu dawn il-professjonisti.

Spjegat li ilha taħdem bħala infermiera għal ħames snin, iżda n-nuqqasijiet fix-xogħol waslu fl-aħħar sentejn, fejn sostniet li minkejja kollox, ix-xogħol xorta jsir. L-infermiera stqarret li l-problemi li għaddejjin minnhom għajjewha, anke minħabba li l-paga mhijiex sodisfaċenti.

Spjegat li għajjiet tistudja għal Masters fil-qasam tal-kura intensiva, iżda dan la hu rikonoxxut u lanqas meqjus bħala gwadann għad-Dipartiment. Dan fl-istess waqt li l-għejja fiżika qed tħalliha saħansitra tibża’ ssuq biex tmur id-dar.

Il-kumment tal-infermiera, li jidher li ntlaqa’ tajjeb minn numru ta’ kollegi tagħha u qraba tagħhom li wkoll iħossu l-istess uġigħ, sar fil-kuntest ta’ kritika li xi persuni qed jagħmlu fil-konfront tal-infermiera.

Dan wara li l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ordnat direttivi lill-membri. Bid-direttivi, li se jidħlu fis-seħħ mill-5 ta’ Lulju li ġej, l-infermiera u l-qwiebel se jkunu qed josservaw lista twila ta’ direttivi f’kull Sptar u Ċentru tas-Saħħa pubbliku wara li għad m’hemmx żviluppi pożittivi dwar ftehim settorjali għalihom.

Min-naħa l-oħra, l-infermiera li jaħdmu bħala ‘relievers’ se jirrifjutaw li jaħdmu f’postijiet fejn l-infermiera ma jkunux qed jaħdmu minħabba dawn id-direttivi. Barra minhekk, id-direttivi mhux se jkunu fis-seħħ meta l-istudenti tan-Nursing u l-Midwifery jkunu għaddejjin bl-aħħar eżamijiet tagħhom.