Omm li tkellmet ma’ NET News iddeskriviet il-mument xokkanti meta rat raġel jaqbad id it-tifel tagħha u jimxi bih lejn il-bieb tal-ħruġ ta’ ġnien pubbliku.
Il-mara, li tkellmet ma’ NET News bil-kundizzjoni li tibqa’ anonima, irrakkuntat il-mument meta raġel mhux magħruf kien se jisirqilha lil binha ta’ erba’ snin.
L-inċident seħħ fil-Park tas-Salina, fejn iċ-ċkejken kien qed jattendi party għal grupp ta’ tfal daqsu fil-preżenza tal-ġenituri tagħhom.
L-omm qaltilna li kien hemm grupp ta’ 20 tifel u tifla bil-ġenituri tagħhom, meta ħin minnhom, ma setgħatx tilmaħ lit-tifel tagħha.
“Fid-daqqa u l-ħin ħarist laġenba u nara lit-tifel miexi ma’ raġel li ma nafx, iżommlu jdejh!” qaltilna din l-omm.
Hi rrakkuntat kif dak il-ħin bdiet tgħajjat lit-tifel b’ismu, u dan, malli sema’ lil ommu tgħajjatlu, telaq id ir-raġel u ġera ‘il bogħod.
L-omm spjegat kif dak il-ħin kienet akkumpanjata minn ġenituri oħra li minnufih sejħu lill-uffiċjal tas-sigurtà tal-Park u lis-sid ta’ stabbiliment li hemm fil-qrib, li rħewlha għal wara dan ir-raġel – li, maħsud bl-għajjat ta’ omm iċ-ċkejken, baqa’ miexi lejn il-bieb tal-ħruġ tal-ġnien pubbliku.
Madanakollu, wara ftit, ir-raġel reġa’ ddaħħal fil-ġnien pubbliku fejn aktar tard issejħu fuq il-post uffiċjali tal-Pulizija.
Aktar tard irriżulta li r-raġel li allegatament prova jaħtaf liċ-ċkejken huwa mill-Georgia għalkemm l-età tiegħu mhix magħrufa.
Skont l-omm li tkellmet ma’ NET News, ir-raġel qal lil binha: “Come, I take you to the nice swings” (“Ejja, ħa nieħdok il-bandli”).
Jidher li malli l-Pulizija marru fuq il-post, kellmu lir-raġel u fittxewlu fil-mobile fejn ma sabu l-ebda ritratt. Huma żiedu jagħtu parir lill-omm biex tagħmel rapport – għalkemm wissew li f’każ bħal dan, hija l-kelma tagħha kontra l-kelma tar-raġel inkwistjoni.
“Għaliex stranġier għandu jżomm id tifel ta’ erba’ snin li ma jafx?” staqsiet din l-omm, waqt li temmet b’appell lill-ġenituri kollha biex joqgħodu b’seba’ għajnejn meta jieħdu lit-tfal tagħhom f’postijiet pubbliċi bħal ma huma l-ġonna pubbliċi.
Sadanittant, NET News irrefera l-każ lill-Pulizija, f’talba għal iktar informazzjoni dwar dan il-każ, b’kelliema għall-Pulizija tinforma lil NET News li t-talba qed tiġi pproċessata.
Aġġornata
Sadanittant, persuna li qalet li rat l-episodju jseħħ, qalet lil NET News li r-raġel inkwistjoni ma kienx ħiereġ bit-tifel ‘il barra, iżda filfatt kien qed ifittex lill-ġenituri tat-tifel. Madanakollu, iffaċċjata minn NET News b’din il-verżjoni, l-omm ċaħdet b’mod kategoriku u qaltilna li rat lir-raġel imexxi lit-tifel tagħha fid-direzzjoni fejn hemm wieħed mill-bibien tal-ħruġ tal-Park. “Kont warajhom u rajthom jitbiegħdu”.
L-unika differenza minn dak li ġie rrappurtat aktar kmieni, hija li malli l-omm bdiet tgħajjat lit-tifel, dan telaq id ir-raġel u ġera f’direzzjoni differenti u mhux fid-direzzjoni tal-omm kif rappurtat aktar kmieni.
//= $special ?>