Rodney Gatt irnexxielu jikkwalifika għall-Kampjonat tad-Dinja għal Sewwieqa Professjonali li se jsir fl-Iżvezja s-sena d-dieħla. Gatt kien qed jieħu sehem fil-Kampjonat Ewropew u minkejja li ma kienx fost il-favoriti wera l-kapaċità tiegħu fejn rebaħ tiġrija mill-għaxra li kien hemm fil-koros ta’ Bjerke n-Norveġja u Aby fl-Iżvezja.
Fl-ewwel ġurnata Gatt kien qed jokkupa d-disa’ post fil-klassifika, iżda fit-tieni ġurnata spiċċa t-tielet l-aqwa sewwieq b’70 punt biex klassifika fis-sitt post minn tnax li pparteċipaw. B’hekk Gatt kwalifika minħabba li huma l-ewwel sitta mill-Kampjonat Ewropew li jgħaddu awtomatikament.
Mas-sitta kwalifikati, jingħaqdu r-rebbieħ attwali l-Kanadiż James MacDonald, u rappreżentati mill-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, New Zealand u l-Iżvezja, li bħala l-organizzatur tinnomina lil min trid hi speċjalment għaliex ma kienx hemm sewwieqa Żvediżi mal-ewwel sitta.
Il-Kampjonat Ewropew intrebaħ mis-sewwieq Franċiż Frank Nivard li rebaħ tliet tiġrijiet bl-istess punti, l-Olandiż Rick Ebbinge spiċċa t-tieni minkejja li rebaħ tiġrija biss, bin-Norveġiż Eirik Hoitomt spiċċa t-tielet. Minbarra Gatt, kwalifikaw għall-Kampjonat tad-Dinja l-Ġermaniż Michael Nimcyzk u l-Finlandiż Mika Forss.
Din mhux se tkun l-ewwel darba li sewwieq Malti kkwalifika għall-Kampjonat tad-Dinja. Is-sena l-oħra Noel Baldacchino kien spiċċa fis-sitt post, fil-Kampjonat tad-Dinja fil-Kanada, wara li kien ingħata d-dritt minħabba li rtira sewwieq Ġermaniż.
//= $special ?>