‘Il fuq minn 120,000 ċivili kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom b’kaġun ta’ offensiva mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan fl-inħawi tal-Lbiċ tas-Sirja. Intant, in-Nazzjonijiet Uniti wissiet dwar ‘katastrofi umana’ meta dawn iċ-ċivili qed jissugraw li jinqabdu ‘f’nofs il-konflitt armat’ bejn dawn il-qawwiet u r-ribelli li qed jiġġieldu kontra r-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad.
L-offensiva tal-qawwiet Sirjani, li għandha l-appoġġ tar-Russja, wasslet għal sitwazzjoni fejn għexieren ta’ eluf ta’ Sirjani spiċċaw qalb iz-zoni tal-fruntiera mal-Ġordan. Intant, eluf oħra ta’ refuġjati Sirjani ilhom il-jiem f’inħawi viċin il-fruntiera Sirjana mal-Għoljiet tal-Golan li huma okkupati mill-Iżraeljani.
Iżrael u l-Ġordan mgħandhomx il-ħsieb li jdaħħlu lil lir-refuġjati, meta dawn in-nies huma esposti għall-bumbardamenti u l-attakki mill-ajruplani tas-Sirja u r-Russja.
Il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet Umani, Zeid Ra’ad al-Hussein, qal li hemm periklu kbir li ħafna ċivili jispiċċaw ‘iżolati qalb il-ġlied’ li jinvolvi lill-qawwiet Sirjani, il-gruppi tar-ribelli u l-militanti tal-ISIS li jikkontrollaw ftit art fl-istess zona.
Sitwazzjoni bħal din għandha tiżvolġi f’waħda tassew ‘traġika u katastrofika’, tant li n-NU qed tinkwieta li ċ-ċirkustanzi tar-refuġjati jistgħu jiżvolġu f’ripetizzjoni tat-tixrid ta’ demm u tbatija ta’ ċivili fuq l-istess livell tal-assedju, ġimgħat ilu, fuq il-Lvant ta’ Ghouta.
Il-qawwiet tas-Sirja, appoġġjati mill-qawwiet tal-ajru Russi, fil-preżent qed jikkonċentraw fuq it-territorji Sirjani tal-Lbiċ li huma kkontrollati mir-ribelli, mindu rnexxielhom jeliminaw ir-reżistenza tar-ribelli anti-Assad f’numru ta’ zoni (inkluż il-Lvant ta’ Ghouta) fil-limiti ta’ Damasku.
//= $special ?>

