Qed jidher li kien hemm qabża kbira fl-ammont taċ-ċittadini mir-Renju Unit li qegħdin jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea mindu sar ir-referendum dwar il-Brexit – jew aħjar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni li mistenni jkun ikkonfermat fl-aħħar ta’ Marzu li ġej.
Skont statistika tal-BBC, fl-2017 kien hemm total ta’ 12,994 ċittadin Britanniku li kisbu n-nazzjonalità ta’ xi wieħed minn sbatax il-pajjiż-membru tal-UE li provdew l-informazzjoni dwar il-bidla fiċ-ċittadinanza. Iċ-ċifra għandha titqabbel ukoll fid-dawl tal-istatistika għall-2016, meta 5,025 Britanniċi dawwru ċ-ċittadinanza għal pajjiż ieħor tal-UE, b’1,800 oħra jieħdu l-istess pass fl-2015.
L-aktar inċidenza ‘frekwenti’ tinvolvi l-bidla għal ċittadinanza Ġermaniża fost il-Britanniċi. Dan meta ċ-ċifri juru qabża kbira minn sempliċi 594 każ ( ta’ Britanniċi jaqilbu għal din iċ-ċittadinanza) għal 7,493 każ, fl-2017.
L-ispinta f’dawn il-każi x’aktarx li rriżultat minn sitwazzjoni fejn il-Britanniċi li huma eliġibbli biex jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat ieħor tal-UE qegħdin jippruvaw biex id-drittijiet legali tagħhom jibqgħu konnessi mal-isħubija fl-Unjoni Ewropea.
Fl-istess ħin, iż-żieda drammatika fin-numri taċ-ċittadini mir-Renju Unit li qegħdin jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ pajjiżi oħra tal-UE tidher li hi konsistenti tul ħafna pajjiżi Ewropej. Intant, Franza hi stabbilita bħala ‘it-tieni nazzjonalità favorita mal-Britanniċi li jridu din il-bidla’, meta l-każi qabżu minn 320 fl-2015 għal 1,518, fl-2017.
Il-Britanniċi li kisbu ċittadinanza tal-Belġju, sadanittant, żdiedu minn 127 għal 1,381 skont l-aħħar statistika żvelata mill-BBC.
//= $special ?>

