Internazzjonali

Il-Kanada mhix se ċċedi fil-kwistjoni tat-tariffi mal-Istati Uniti

Il-Gvern tal-Kanada għamilha ċara li ‘mhux beħsiebu jirtira pass’ fis-sitwazzjoni tat-tariffi ġodda mill-Istati Uniti li jirrigwardaw prodotti tal-azzar u l-aluminju.

Il-Ministru Kanadiż għall-Affarijiet Barranin, Chrystia Freeland, ikkonfermat il-pożizzjoni ta’ pajjiżha waqt li uffiċjali kienu qed jintroduċu pakkett ekwivalenti għal madwar 1.30 biljun ewro bħala appoġġ għall-industriji tal-azzar u l-aluminju fil-Kanada.

Intant, minn għada jidħlu tariffi ta’ ritaljazzjoni li jaffettwaw numru ta’ prodotti mill-Istati Uniti. Il-Ministru Freeland qalet li l-politika tat-tariffi minn Washington ‘ma ħallietx għażla oħra għall-Kanadiżi’, meta t-tariffi tal-Kanada ukoll huma mirati għal prodotti tal-azzar u l-aluminju mill-Istati Uniti.

Intant, dawn it-tariffi huma effettivi wkoll għall-yoghurt, il-ketchup u l-orange juice li huma prodotti fi Stati Amerikani ewlenin.
Chrystia Freeland spjegat li l-lista ta’ prodotti jinkwadraw ‘fit-tweġiba tal-Kanada’ f’din il-kwistjoni tat-tariffi mal-Istati Uniti. Dan meta t-tariffi minn Washington fil-konfront tal-Kanada ilhom effettivi mill-bidu ta’ Ġunju.