Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Portugall eliminata b’doppjetta ta’ Cavani

(Ritratt: EPA)

L-Urugwaj se tilgħab kontra Franza fil-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja wara li eliminat lill-Portugall 2-1. L-eroj għat-tim ta’ Tabarez kien Edinson Cavani awtur ta’ żewġ gowls mill-isbaħ. B’din il-kwalifikazzjoni, l-Urugwaj tinsab mal-aħħar tmienja għall-ewwel darba mill-2010.

Cristiano Ronaldo ġralu bħal Lionel Messi u ġie eliminat mit-Tazza tad-Dinja wkoll. Il-Portugiż ftit kien insidjuż fl-attakki tiegħu fejn kien mgħasses tajjeb mid-difiża avversarja.

Tliet bidliet għat-tim Portugiż b’Ricardo Pereira, Bernardo Silva u Goncalo Guedes jibdew mill-bidu. Jose Gimenez ħa post Sebastian Coates għall-Urugwaj.

L-attakkant ta’ Paris Saint Germain poġġa lill-Urugwaj minn fuq wara disa’ minuti meta rċieva kross mix-xellug ta’ Luis Suarez u b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Rui Patricio. Luis Suarez mar viċin li jirdoppja fit-22 minuta bi free-kick fil-baxx li kien salvat tajjeb minn Rui Patricio.

Il-Portugall ġabet id-draw fit-53 minuta meta minn korner mogħti qasir, kien il-kross ta’ Raphael Guerreiro li sab lil Pepe, u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Fernando Muslera. Dan kien l-ewwel gowl li sofriet l-Urugwaj f’din l-edizzjoni.

Iżda ftit wara s-siegħa logħob, l-Urugwaj skorjat dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Rodrigo Bentancur qassam lejn Edinson Cavani li b’xutt meqjus mill-ewwel għeleb lil Patricio b’xutt għar-rokna.

L-aħjar ċans tal-Portugall biex iġġib id-draw wasal fis-70 minuta b’Muslera jonqos li jaħtaf il-ballun iżda x-xutt finali ta’ Bernardo Silva għadda fuq il-mimduda.

Din kienet l-ewwel darba li l-Urugwaj rebħet l-ewwel erba’ logħbiet mill-ewwel edizzjoni tal-1930. Dakinhar fir-raba’ logħba kienet rebħet il-finali kontra l-Arġentina 4-2.

Cristiano Ronaldo lagħab 514-il minuta fil-fażi tan-knock-out tat-Tazza tad-Dinja iżda qatt ma skorja. Dan minkejja li fil-logħba kellu sitt xuttijiet, wieħed aktar mit-tim kollu tal-Urugwaj.