Internazzjonali

Jaħsbu li l-Korea ta’ Fuq qed tipproduċi aktar fuel għall-bombi nukleari

L-aġenziji tas-servizzi sigrieti fl-Istati Uniti jemmnu li l-Korea ta’ Fuq komunista, fl-aħħar xhur, żiedet il-produzzjoni tal-fuel għall-armamenti nukleari f’diversi siti sigrieti madwar it-territorji tagħha. Dawn l-aġenziji ma jeskludux li l-Korea ta’ Fuq tista’ tipprova ‘taħbi’ s-siti inkwistjoni hi u tipprova tikseb il-konċessjonijiet mingħand l-Istati Uniti waqt it-taħditiet li jirrigwardaw l-aspett nukleari.

Rapport mill-NBC News indika li l-aħħar evalwazzjoni min-naħa tas-servizzi sigrieti qed tmur kontra s-sentimenti li esprima l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. Dan wara li Trump bagħat messaġġ – wara s-summit tat-12 ta’ Ġunju mal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un – li ‘ma fadalx theddida nukleari min-naħa tal-Korea ta’ Fuq.’

L-NBC ikkwotat ħames uffiċjali ( li ma kenux identifikati) fis-sens li l-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar xhur, kienet żiedet il-produzzjoni tal-uranju raffinat għall-armi nukleari, anki waqt li kienet qed tinvolvi ruħha fil-proċess diplomatiku mal-Istati Uniti.

Skont l-uffiċjali Amerikani, l-analiżi mill-aġenziji sigrieti tikkonkludi li ‘il-Korea komunista għandha aktar minn sempliċi sit nukleari sigriet, minbarra l-faċilità ta’ Yongbyon li hi magħrufa għall-produzzjoni tal-fuel nukleari’. Fil-fatt, wieħed mill-uffiċjali kien ikkwotat, speċifikament, ‘li hemm il-provi assoluti li l-Koreani komunisti qegħdin jippruvaw iqarrqu bl-Istati Uniti’.

Intant, l-aġenzija CIA ma kummentatx dwar ir-rapport tal-NBC, bid-Dipartiment tal-Istat f’Washington isostni li ma jistax jikkonferma l-informazzjoni. Il-kelliema mal-White House fl-Istati Uniti ma weġbux għal talba biex jikkummentaw dwar iċ-ċirkustanzi.

Ir-rapport tal-NBC iqajjem aktar dubji dwar kemm il-Korea ta’ Fuq hi lesta tassew biex tidħol f’negozjati serji bil-għan li jwasslu għat-tmiem tal-programm għall-armi tagħha. Qed jingħad li dan il-programm ‘għall-armi nukleari’ għad irid jitqies bħala theddida għall-Istati Uniti minkejja l-kliem pożittiv ta’ Trump dwar is-summit tat-12 ta’ Ġunju.