Lokali

Każ ġdid fil-kriżi tal-immigrazzjoni; 50 persuna abbord il-vapur Open Arms

L-Italja rrifjutat li tieħu azzjoni fuq bastiment li hi legalment obbligata terfa’ responsabbilità

Il-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran kompliet tikber – dan hekk kif vapur ta’ NGO oħra interċetta dgħajsa ta’ 50 persuna li kienu qegħdin jivjaġġaw mill-Afrika lejn l-Ewropa. Din id-darba kien il-vapur Open Arms li salva ħamsin persuna ftit ‘il barra mill-kosta Libjana bil-battibek jerġa’ jispikka bejn il-Gvern Malti u dak Taljan dwar min għandu jerfa’ r-responsabilità.

S’issa għad mhix magħrufa il-kundizzjoni tal-persuni li kienu abbord id-dgħajsa.

Il-Ministru tal-Intern tal-Gvern Taljan Matteo Salvini qajjem kwistjoni diplomatika oħra hekk kif fuq il-midja soċjali stqarr li għal dan l-episodju ġdid ta’ 50 persuni tal-vapur Open Arms hu responsabilita’ ta’ Malta.

Iddikjara li l-aktar port viċin hu dak ta’ Malta. Dan filwaqt li stqarr li l-bastiment tal-NGO jtajjar bandiera Spanjola u li mhux se jitħalla jidħol jitrakka fl-Italja.

Minn naħa l-oħra, l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia rrisponda fuq Twitter, fejn qal li l-vapur salva lil dawn il-50 persuna f’ibħra li jinsabu fiz-Zona ta’ Tiftix u Salvatagg tal-Libja bejn il-kosta Libja u l-gżira Taljana ta’ Lampedusa. Il-Ministru żied jappella lil Matteo Salvini sabiex jieqaf jikteb aħbarijiet mhux veritiera u jdaħħal lil Malta fin-nofs meta pajjiżna m’għandux x’jaqsam ma’ din il-kwistjoni.

Jekk dan ikun konfermat, ikun ifisser li l-Italja rrifjutat li tieħu azzjoni fuq bastiment li hi legalment obbligata terfa’ responsabilità tiegħu.

Dan il-każ tal-vapur Open Arms ġie fid-dawl ftit jiem wara li l-vapur Lifeline tħalla jitrakka f’Boiler Wharf fl-Isla b’234 persuna abbord – dan wara li għamel sitt ijiem maqbud bejn sema u ilma jistenna l-permess biex jitħalla jidħol wara nuqqas ta’ qbil bejn liem pajjiż Ewropew se jieħu r-responsabilità.

Ukoll dan il-każ żviluppa l-għada li ntemm is-summit bejn il-mexxejja Ewropej li fih qed tiġi diskussa din il-kriżi tal-immigrazzjoni.