Għawdex Lokali

L-iskonvenjent għall-Għawdxin mhux prijorità

Tissokta l-problema għall-Għawdxin hekk kif jidher li hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Ministeru ta' Għawdex u dak tal-Finanzi biex il-kumpanija Gozo Channel iġġib vapur ieħor għas-sajf.

Il-problema ta’ vvjaġar bejn Malta u Għawdex qed tkompli tikber hekk kif il-Gozo Channel mhux tlaħħaq biex tagħti s-servizz meħtieġ lil dawk li jużaw il-vapuri, b’inkonvenjent kontinwu b’mod speċjali għall-Għawdxin.

Il-Ministru għal Għawdex tinsab ikkonċernata ferm, hekk kif qed tirċievi numru ta’ ilmenti mill-kostitwenti tagħha.

Skont l-aħħar informazzjoni issa jidher li m’hemmx żblokk fin-negozji biex il-Gozo Channel jirnexxiela takkwista s-servizz tar-raba’ vapur anki jekk biss għax-xhur tas-sajf. Dan hekk kif jidher li għad hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Ministeru ta’ Għawdex u l-Ministeru tal-Finanzi, bil-Ministru għal Għawdex tinsab ikkonċernata ferm, hekk kif qed tirċievi numru ta’ ilmenti mill-kostitwenti tagħha fuq id-dewmien biex jaqsmu l-fliegu.

Jidher li kien hemm ftehim biex il-Gozo Channel iġġib b’kirja vapur barrani tal-istil roll on/roll off iżda l-Ministeru tal-Finanzi qed isibha diffiċli li joħroġ il-flus biex dan ikun jista’ jseħħ. F’dan id-dawl qed jingħad ukoll li l-istess Ministeru ma jemminx li hemm problema biex in-nies jaqsmu l-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex.

Rapport fuq The Times of Malta qal li anki l-ekwipaġġ tal-istess vapur kien qiegħed fuq stand-by biex x’ħin jiġi msejjaħ dan mill-ewwel jibda jiffonzjana.

Intqal ukoll li l-Ministeru għal Għawdex baqa’ ma weġibx il-mistoqsijiet jekk il-Gozo Channel hux se jipprovdi s-servizz b’erba’ vapuri u jekk dan hux se jiswa’ lill-kumpanija €3,000 kuljum.