L-Armata tas-Sirja ħatfet lura l-kontroll ta’ aktar bliet fl-inħawi Sirjani tal-Lbiċ waqt li l-ajruplani tal-gwerra komplew jibbumbarjaw bliet oħrajn fejn ir-ribelli ta’ kontra l-Gvern baqgħu jirreżistu l-offensiva mill-qawwiet tal-President Sirjan, Bashar al-Assad.
L-aħħar rapporti qalu li t-truppi ta’ Assad daħlu fil-belt ta’ Dael u li ‘diversi bliet oħra lejn il-Lvant aċċettaw ukoll li jkunu amministrati mill-Gvern’. Ir-ribelli fis-Sirja, issa, qed iħejju għal aktar laqgħat ma’ uffiċjali Russi fejn se jkun innegozjat ftehim ‘għar-ritorn tas-sovranità tal-Istat Sirjan għall-provinċja sħiħa ta’ Deraa’.
Madankollu, komplew ir-rejds mill-qawwiet tal-ajru tal-Gvern fost l-offensiva li rriżultat f’eżodu ta’ 160,000 ċivili u fost indikazzjonijiet li qed tiżviluppa katastrofi umana.
Ir-Russja, bħala l-akbar sostenitur tal-Gvern Sirjan, ilha x-xhur tibgħat l-ajruplani tal-gwerra biex jappoġġjaw l-avvanzi tal-Armata Sirjana kontra r-ribelli. Dan waqt li r-Russi anki qegħdin jaqdu r-rwol ta’ medjaturi fi ftehim li jesiġu biex ir-ribelli jċedu.
L-inħawi fil-Lbiċ tas-Sirja jinkwadraw fost il-ftit fortizzi tar-ribelli li fadal fis-Sirja.
Intant, il-President Assad hu determinat li jaħtaf lura reġjun partikulari fil-majjistral tas-Sirja li ilha żmien f’idejn ir-ribelli. Dan waqt li hu jikkonsolida l-kontroll mill-ġdid f’territorji Sirjani tal-grigal li għalissa qed jiddefenduhom qawwiet Kurdi appoġġjati mill-Istati Uniti.
//= $special ?>

