Edukazzjoni Lokali

Tfal bi bżonnijiet speċjali ma jistgħux imorru l-iskola fis-Sajf bħal tfal daqshom

Sabiex nipproteġu l-interessi tat-tfal, mhux se niżvelaw l-identità tal-ġenituri li għamlu kuntatt ma’ NET News

Nuqqas ta’ riżorsi fil-Ministeru tal-Edukazzjoni qed iċaħħad lil tfal bi bżonnijiet speċjali milli jattendu Klabb 3-16 u Skolasajf matul il-vaganzi tas-sajf.

Dan minbarra li s-sitwazzjoni qed tħalli lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal inkwetati għall-fatt li m’għandhom lil ħadd min jieħu ħsieb lit-tfal waqt li huma jkunu qegħdin ix-xogħol. B’idejhom marbuta, uħud qed jikkunsidraw li jieqfu mix-xogħol. F’dawn l-aħħar ġranet, NET News ġie kkuntattjat minn numru ta’ ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali li qed isibu din id-diskriminazzjoni ma wiċċhom – u sabu l-bibien magħluqa mill-awtoritajiet u nies b’karigi għolja fil-Gvern.

Ġenituri li tkellmu magħna spjegawlna kif wara li applikaw biex it-tfal tagħhom, li jbatu minn kundizzjonijiet speċjali u li jirrikjedu s-servizzi ta’ LSA,  sabiex jattendu għall-attivitajiet edukattivi provduti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) matul il-vaganzi tas-Sajf, huma ma rċivew l-ebda forma ta’ rispons.

Għalhekk, għorkithom għajnejhom hekk kif raw li bdew il-vaganzi tas-sajf u ma sar l-ebda kuntatt magħhom biex it-tfal tagħhom jattendu għal dawn is-sessjonijiet. Iżda meta marru l-iskola biex jifhmu għalfejn ma rċivewx risposta – il-Koordinatur responsabbli f’dik l-iskola qal lill-ġenituri sabiex ma jiħdux it-tfal tagħhom hekk kif s’issa t-tfal li għandhom bżonn LSA għadhom ma ġewx approvati.

Urtati, il-ġenituri pruvaw jagħmlu kuntatt dirett mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo – b’dan tal-aħħar jammetti magħhom li m’għandux biżejjed riżorsi biex ineħħi din id-diskriminazzjoni, u jkun jista’ jipprovdi s-servizz ta’ skola matul il-vaganzi tas-sajf lil tfal bi bżonnijiet speċjali.

Kien hemm ġenituri li saħansitra wkoll irrikkorrew għas-servizzi tal-customer care tal-Partit Laburista – iżda hemm ukoll sabu l-bibien magħluqa, bir-risposta għal dawn il-ġenituri inkwetati dwar il-futur tal-familja tagħhom miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tkun sempliċiment “il-ġurnata t-tajba” u mingħajr ebda soluzzjoni.