Diversi voluntiera ingħaqdu flimkien f’Paradise Bay (Il-Bajja t’Għajn Tuta), fejn għal numru ta’ sigħat naddfu żona partikolari; żona li ftit huma dawk li jafu biha, iżda li fiha nġabar numru kbir ta’ skart li jitla’ fuq il-blat mal-mewġ tal-baħar.
Għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu fuq il-post kien hemm madwar 6 persuni, filwaqt li diversi persuni oħra komplew jingħaqdu magħhom biex jgħinu fit-tindif.
Dawk fuq il-blat tal-bajja sabu ħbula ta’ kull daqs, tappijiet tal-flixkien, u saħansitra pari ta’ żraben, fost skart ieħor. Fil-ħidma tagħhom fl-eqqel tax-xemx, huma mhux biss ġabru l-iskart, iżda wkoll isseparawhom skont il-materjal li sabu. Sal-ħabta ta’ nofsinhar, kienu diġa bdew jimtlew sew 3 boroż kbar bl-iskart.
Il-boroż kollha li nġabru, ttieħdu minn dingi ta’ Clean Malta biex ikomplu jiġu separati skont il-materjali li nġabru. Din l-inizzjattiva saret minn voluntiera ta’ NGO bl-isem ta’ Żibel wara li s-sena l-oħra kien inġabar iktar minn tunellata ta’ plastik u styrofoam.
Permezz ta’ din l-inizjattiva twassal ukoll messaġġ ta’ inkoraġġiment biex in-nies biex jieħdu azzjoni u iżommu l-ambjent nadif, biex iż-żibel jintrema bi ħsieb, jitnaqqas u fejn hu possibli jerġgħu jintużaw l-oġġetti qabel jiġi riċiklat. B’hekk iż-żibel li jmur fil-miżbla jkun l-aħħar għażla u f’ammonti drastikament inqas.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>