Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Igor Akinfeev l-eroj fil-kwalifikazzjoni tar-Russja

Igor Akinfeev isalva l-penalty deċiżiv (Ritratt: EPA)

Quddiem aktar minn 78,000 spettatur fil-Luzhniki Stadium, ir-Russja tinsab fil-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja wara li għelbet lill-Spanja 5-4 bl-għoti tal-penalties. B’din ir-rebħa, ir-Russja waslet għall-ewwel darba mal-aħħar tmienja minn kemm ilha li spiċċat l-Unjoni Sovjetika.

Spanja kienet fetħet l-iskor fit-12-il minuta meta minn free-kick, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Sergio Ramos, bil-ballun jaħbat mad-difensur Russu Sergei Ignashevich u baqa’ dieħel fix-xibka. Ir-Russja ġabet id-draw fl-40 minuta meta daqqa ta’ ras ta’ Dzyuba ħabtet ma’ id Gerard Pique. Mill-11-il metru l-istess ARTEM DYZUBA għeleb lil David De Gea.

Spanja baqgħet tattakka tul it-tieni taqsima iżda ma sabitx il-gowl rebbieħ biex il-partita għaddiet għall-ħin barrani. Għall-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja, saret ir-raba’ sostituzzjoni, b’Spanja tibqa’ tipprova tiskorja filwaqt li r-Russi kienu kuntenti aktar jilagħbu għall-penalties.

Fl-għoti tal-penalties kien Andres Iniesta li skorja l-ewwel għal Spanja u Fedor Smolov ġab id-draw għar-Russja. Gerard Pique skorja t-tieni penalty iżda d-difensur Sergei Ignashevich wieġeb bit-tieni penalty skorjat.

Koke ra l-penalty tiegħu salvat minn Igor Akinfeev, b’Aleksandr Golovin ipoġġi lir-Russja fil-vantaġġ. Sergio Ramos skorja għal Spanja iżda Denis Cheryshev żamm lir-Russja minn fuq. Kien il-penalty ta’ Iago Aspas li kien deċiżiv, bil-gowlkiper Russu jsalva b’siequ biex tefa’ l-partitarji f’dellirju ta’ ferħ.