It-tim nazzjonali Malti għadda għall-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-FIBA għall-Pajjiżi ż-Żgħar wara li rebaħ is-semifinali 102-57 kontra Ġibiltà. B’hekk Malta se tkun qed tirritorna fil-finali wara nuqqas ta’ erba’ snin.
It-tim żied il-vantaġġ gradwalment hekk kif rebaħ l-erba’ perjodi 25-11, 21-17, 27-15, 29-14. L-aħjar skorers għat-tim Malti kienu Jacob Formosa bi 18-il punt, Samuel Deguara bi 17-il punt, u Kurt Cassar u Aaron Falzon b’16-il punt.
Il-finali tintlagħab illum fil-5.00pm kontra n-Norveġja.
Intant, it-tim nazzjonali tan-nisa tilef is-semifinali mill-istess kompetizzjoni kontra l-Lussemburgu 62-47. Bidu tajjeb mit-tim Malti li rebaħ l-ewwel perjodu 14-13, iżda l-Lussemburgu rkuprat u sa tmiem it-tieni sessjoni daħlet tistrieħ 26-21 minn fuq. Id-distakk kompla jikber fit-tielet sessjoni għal 19-il punt u minkejja li t-tim Malti rebaħ ir-raba’ u l-aħħar perjodu, ma kienx biżżejjed biex tiġi evitata t-telfa.
L-aħjar skorer għat-tim Malti kienet Stephanie De Martino bi 15-il punt. In-nisa Maltin jilagħbu għat-tielet u r-raba’ post fil-5.30pm ukoll kontra n-Norveġja.
//= $special ?>