Nifs twil għall-Kroazja li rnexxielha tikkwalifika għall-kwarti tal-finali meta għelbet lid-Danimarka 4-3 wara l-għoti tal-penalties. Qabel il-partita l-Kroazja bdew bħala favoriti iżda tul il-partita, id-Danimarka offriet oppożizzjoni denja u kienet sfortuna għalihom li spiċċaw eliminati.
Kienu d-Daniżi li fetħu l-iskor fl-ewwel sekondi tal-logħba meta minn throw-in fit-tul, ix-xutt fil-baxx ta’ Matthias Joergensen kien salvat parzjalment minn Subasic bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jidħol fix-xibka.
Reazzjoni immedjata mill-Kroazja li tliet minuti wara ġabu d-draw meta b’mod fortunat, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ Mario Mandzukic li għeleb lil Kasper Schmeichel mill-viċin.
Iż-żewġ timijiet baqgħu jikkanċellaw lil xulxin sad-90 minuta u l-bilanċ baqa’ anki fil-ħin barrani. Kien fil-116-il minuta li l-Kroati kellhom ċans jirbħu l-logħba meta Matthias Jorgensen waqqa’ lil Ante Rebic fil-kaxxa, bir-referee Arġentin jordna penalty. Iżda Kasper Schmeichel salva x-xutt ta’ Luka Modric.
Fl-għoti tal-penalties, ix-xuttijiet ta’ Christian Eriksen u Milan Badelj ġew salvati minn Subasic u Schmeichel. Simon Kjaer u Andrej Kramaric skorjaw għaż-żewġ timijiet, l-istess bħal Michael Krohn-Dehli u Luka Modric.
Lasse Schoene falla għad-Danimarka iżda x-xutt ta’ Josip Pivaric kien salvat ukoll. Nicolas Joergensen reġa’ falla għad-Danimarka, b’Ivan Rakitic jiskorja l-penalty deċiżiv.
//= $special ?>