Lokali

Kummissjonanti jilmentaw li l-Gvern ta direct order għall-ġarr tal-katavri minn Karen Grech

Kummissjonanti tal-funerali qed jilmentaw li l-Gvern ta direct order dwar il-ġarr ta’ katavri mill-Isptar Karen Grech għall-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei.

Il-ġarr ta’ katavri mill-Isptar Karen Grech b’mod strutturat ilu għaddej sa mill-4 ta’ Diċembru tal-2016 bir-riżultat li issa qed jirriżulta li Kummissjonant partikulari kien aġevolat billi ngħata x-xogħol b’mod dirett għaliex il-Gvern ma ħariġx sejħa għall-offerta kif mistenni.

Dan hu ta’ diżappunt kbir għall-istess Kummissjonanti li jistennew li għal xogħol bħal dan tinħareġ sejħa għall-offerta.

Kummissjonanti li tkellmu ma’ il-mument ilmentaw ukoll li minħabba li l-Kummissjonant partikulari li ngħata din  l-offerta għandu volum ta’ xogħol, il-ġarr tal-mejtin mill-Isptar Karen Grech għall-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei qiegħed isir kważi dejjem matul il-lejl.

Dan qiegħed joħloq ilmenti fost il-familjari tal-mejtin li ma jkunux jafu bid-dettalji tat-trasport tal-katavri tal-għeżież tagħhom.

Il-Kummissjonanti li tkellmu ma’ il-mument appellaw lill-Gvern biex jirrevedi din s-sitwazzjoni għaliex ma hux sew li jintagħżel wieħed minn fosthom għal dan ix-xogħol u l-kumplament ma jingħatawx l-opportunità huma wkoll li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.

Sadattant, komplew jgħidulna l-istess Kummissjonanti, huma qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet kbar fix-xogħol tagħhom minħabba li mill-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei qed jinħarġu l-funerali kollha tal-mejtin f’Mater Dei flimkien ma’ dawk li jkunu mietu fl-Isptar Karen Grech u issa fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paule.

Ġara li reċentement minħabba x-xogħlijiet ta’ toroq li qed isiru fil-Marsa, fosthom biswit ir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paule, il-katavri qed ikunu trasportati għall-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei.

Jirriżulta bl-aktar mod ċar – kif ġara matul din il-ġimgħa – li l-infrastruttura fuq barra fid-daħla tal-Kamra Mortwarja – ma tlaħħaqx mal-volum ta’ xogħol li qiegħed ikun hemm ta’ bosta funerali fl-istess ħin. Din is-sitwazzjoni qed toħloq problemi u fiha nnifisha hi wkoll ta’ nuqqas ta’ rispett għall-istess mejtin.

Il-Kummissjonanti qalu li hu evidenti li hemm nuqqas ta’ ippjanar f’dan kollu għaliex kieku l-awtoritajiet ħasbu qabel, kienu jassiguraw li jsiru xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa biex il-karozzi tal-mejtin li jgħabbu t-twiebet bil-katavri jkollhom il-faċilitajiet meħtieġa biex jagħmlu x-xogħol tagħhom.

Diffikultà oħra serja hi fir-rigward tal-erba’ shifts li qed isiru biex isiru l-funerali. Fejn issa bid-direttivi l-ġodda ta’ min imexxi l-Kamra Mortwarja tal-Isptar Mater Dei, iridu jsiru sitt funerali bejn is-7 a.m. u t-8 a.m., sitta oħra bejn it-8 a.m. u d-9 a.m., sitt funerali oħra bejn is-1 p.m. u s-2 p.m. u sitta oħra bejn is-2 p.m. u t-3 p.m.

Din is-sistema jidher li qed toħloq problemi wkoll għall-Kummissjonanti għaliex qed tirrestrinġihom meta jiġu biex ipaċu l-ħinijiet mal-knejjes għall-quddiesa.

Problema oħra li qed jiffaċċjaw l-istess Kummissjonanti hi fir-rigward ta’ persuni li jmutu f’ċerti swali fl-Isptar Mater Dei fejn iċ-ċertifikat tal-mewt mit-Tabib jew il-Konsulent – darba l-mewta tkun saret fi tmiem il-ġimgħa – jitħalla sat-Tnejn filgħodu għaliex ħadd ma jiċċertifika lill-mejjet jew mejta.

Il-kummissjonanti li tkellmu magħna qalulna li n-nuqqas ta’ ħruġ ta’ ċertifikazzjoni tal-mewt minn numru ta’ swali qed twassal biex f’numru ta’ okkażjonijiet ikun pospost il-funeral.