“Jien se nkun qed nippresiedi fil-Qorti Kriminali u għalhekk, f’isem il-Ġustizzja, l-ewwel għan tiegħi se jkun li l-ewwel nibda nattakka l-backlog kbir li hawn illum.”
Din id-dikjarazzjoni qawwija għamlitha l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera waqt iċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ tlett Imħallfin u tlett Maġistrati ġodda nhar it-Tnejn li għadda.
Liema dikjarazzjoni qed titqies fil-kamp tal-Ġudikjatura bħala ċanfira kbira diretta lill-Ministru Owen Bonnici li jiftaħar dwar dak li ġara fil-Ġustizzja fil-leġislatura li għaddiet u f’din il-leġislatura kemm ilu hu Ministru responsabbli minn dan is-settur.
Fil-preżenza tal-Ministru Owen Bonnici stess kif ukoll fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta nhar it-Tnejn li għadda, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet ċara ħafna fil-messaġġ qasir iżda sinifikanti tagħha.
Qalet b’ton ċar li anki fil-Qorti Kriminali hemm backlog kbira ta’ kawżi x’jinqatgħu u li hi kienet se tmidd għonqha għax-xogħol biex din il-backlog titnaqqas.
Minn stħarriġ li kompla jagħmel il-mument matul din il-ġimgħa mill-istatistika uffiċjali maħruġa fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja, jirriżulta li sal-aħħar ta’ Marzu 2018 kien hemm 1,242 appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri, li hi dik il-Qorti li tisma’ l-appelli kollha mis-sentenzi li jkunu deċiżi mill-Qrati tal-Maġistrati filwaqt li fl-aħħar ta’ Marzu, 2013 kien hemm 797 appell pendenti.
Danm ifisser żieda ta’ 445 appell pendenti aktar taħt it-tmexxija tal-Minsitru Owen Bonnici.
Anke l-Imħallef il-ġdida Consuelo Scerri Herrera tat vot ta’ sfiduċja lill-Ministru Owen Bonnici u lit-tmexxija tiegħu tal-Ministeru għall-Ġustizzja meta nhar it-Tnejn li għadda, ftit wara l-ħatra tagħha ta’ Imħallef fil-Qrati Superjuri qalet li “jien se nkun qed nippresjedi l-Qorti Kriminali u għalhekk f’isem il-Ġustizzja l-għan ewlieni tiegħi hu li l-ewwel nibda nattakka l-backlog kbir li hemm.”
Dan il-messaġġ ma tantx niżel tajjeb lill-Ministru Bonnici specjalment meta ingħad ukoll u kien ripetut fuq il-media tal-Istat.
Tajjeb li jingħad ukoll li fil-Qorti tal-Maġistrati sa Diċembru, 2017 kien hemm 11,097 kawża pendenti, fosthom 1,634 Inkjesta bil-Maġistrati li qegħdin imexxu l-Inkjesti li permezz tagħhom qegħdin ikunu investigati l-ogħla uffiċjali tal-Gvern, inkluż il-Prim Ministru, ikollhom għexieren ta’ mijiet ta’ kawżi pendenti quddiemhom li jridu jiddeċiedu wkoll.
Id-diskors li għamlet l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nhar it-Tnejn li għadda quddiem l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż kien ukoll konferma ta’ dak li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilu jtenni fis-sens li fil-Qrati mhux kollox miexi ħarir kif jipprova jagħti l-impressjoni l-Ministru Owen Bonnici u li dan il-fatt qed iwassal għal kawżi li qed itulu aktar biex jinqatgħu, għal backlogs u għal sitwazzjoni fejn allura l-Ġustizzja ma hix qed titwettaq u n-nies qed tbati.
//= $special ?>