Max Verstappen rebaħ il-Grand Prix tal-Awstrija fi Spielberg biex kiseb l-ewwel rebħa tiegħu dan l-istaġun. Verstappen għamel ħafna ħin mit-tiġrija fuq quddiem u fl-aħħar minuti kellu jikkontrolla t-tyres tiegħu minħabba problema żgħira f’wieħed mit-tyres ta’ wara.
Kimi Raikkonen daħal it-tieni segwit minn Sebastian Vettel li kompla l-podju, biex reġa’ jinsab fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa.
Diżappunt għal Mercedes, hekk kif kemm Lewis Hamilton kif ukoll Valtteri Bottas irtiraw mit-tiġrija minħabba problema mekkanika. Din kienet l-ewwel darba mill-Grand Prix ta’ Spanja fl-2016 li ż-żewġ sewwieqa tal-Mercedes ma spiċċawx it-tiġrija.
Fil-klassifika tas-sewwieqa, Sebastian Vettel issa jinsab b’146 punt, punt qabel Lewis Hamilton. Kimi Raikkonen tela’ fit-tielet post b’101 punt, segwit minn Daniel Ricciardo, Max Verstappen u Valtteri Bottas. It-tiġrija li jmiss issir fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone fil-Gran Brittanja.
//= $special ?>