Ċrieki politiċi fl-Italja hekk qed jinsistu u jgħidu b’mod ripetut dwar il-ftehim sigriet bejn il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u l-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.
Fl-isfond tal-aktar żviluppi reċenti fil-kwistjonijiet dwar immigranti fil-Mediterran, politiċi Taljani qed jgħidu b’mod persistenti li Joseph Muscat u Matteo Renzi kienu ftehmu fuq bażi personali u mingħajr ebda traċċa ta’ dokumenti bejn iż-żewġ pajjiżi biex tissiġġilla dan il-ftehim dwar l-immigranti li jinqabdu bejn sema u ilma fil-Mediterran.
F’nofs din il-ġimgħa Adrian Delia, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet staqsa b’mod ripetut jekk il-ftehim li kien sar dwar l-immigranti kienx wieħed ta’ natura personali bejn Jospeh Muscat u Matteo Renzi jew jekk kellux is-siġil tal-Gvern Malti u dak Taljan bħala ftehim bilaterali bejn żewġ pajjiżi ġirien.
Dwar dan il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat baqa’ ma weġibx u pprova jinjora din il-mistoqsija ta’ Adrian Delia. Iżda sorsi fil-Partit Laburista qalu lil dan il-ġurnal li persuni li kienu qrib tal-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi kkonfermaw li l-ftehim sigriet bejn Joseph Muscat u Matteo Renzi dwar min kellu jieħu l-imigranti li jinqabdu bejn sema u ilma fil-Meditteran kien wieħed fuq bażi privata li kien intlaħaq bejn iż-żewġ Mexxeja waqt żjara li Joseph Muscat kien għamel lil Matteo Renzi.
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju ħolistiku, esperti diplomatiċi qed jargumentaw li din kienet irrisponsabbltà kbira min-naħa taż-żewġ Prim Ministri u turi nuqqas ta’ maturità kbira. Dan għaliex ftehim bħal dan ma seta’ qatt jibqa’ sigriet mingħajr ma jinħolqu kumplikazzjonijiet diplomatiċi.
“Din kienet waħda mill-kawżi prinċipali li partiti żgħar bħal dak ta’ Cinque Stelle mmexxi minn Luigi Di Maio u l-Lega Nord ta’ Matteo Salvini, kisbu popolarità kbira meta raw li l-eks Prim Ministru tagħhom Matteo Renzi kien aċċetta li jieħu l-immigranti kollha l-Italja minflok ma nnegozja mal-Unjoni Ewropea biex l-immigranti jitqassmu b’mod ekwu.
Min-naħa tiegħu, Joseph Muscat ma ħax ħsieb l-interess nazzjonali dejjiemi iżda pprova jagħmel gwadann ta’ malajr biex jikseb popolarità fost l-elettorat Malti.
L-interess nazzjonali kien jitlob li tinstab soluzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja biex il-problema tkun ittrattata mill-pajjiżi kollha u mhux bi ftehim minn taħt il-mejda bħal dak li għamlu Joseph Muscat u Matteo Renzi.
Sorsi fil-Partit Laburista li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument fissrulna li din kienet waħda mill-affarijiet li kienet tħasseb sew lill-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella li kien tal-affari tiegħu u kien jaf sew li kien hemm bżonn ta’ fethim bejn iż-żewġ pajjiżi bl-involviment tal-Unjoni Ewropea u mhux li jitraqqaq il-pannu bil-qargħa aħmar.
Iżda l-osservaturi politiċi miż-żewġ pajjiżi jistaqsu x’kien wassal biex Joseph Muscat u Matteo Renzi jiftehmu minn taħt f’din il-kwistjoni u għalfejn l-eks Prim Ministru Taljan Renzi ikkommetta li l-Italja biex tieħu l-immigarnti kollha mingħajr ma kellu l-appoġġ fil-Partit tiegħu stess aħseb u ara fil-Parlament?
Għalkemm qatt ma sar l-ebda kommunikat uffiċjali jew dikjarazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi jew bejn iż-żewġ Prim Ministri, kollox jipponta lejn it-traġedja ta’ Lampedusa li seħħet f’Ottubru tal-2013 meta Joseph Muscat kien għadu kemm laħaq Prim Ministru. Ftit warajh, fi Frar tal-2014, laħaq Prim Ministru tal-Italja Matteo Renzi.
Dak iż-żmien kienu tilfu ħajjithom 366 immigrant f’dik li hi meqjusa b]ala l-akbar traġedja umanitarja fil-Mediterran kemm ilhom jaqsmu bil-baħar l-immigranti bejn l-Afrika u l-Ewropa wara li jkunu ħarbu minn art twelidhom.
Dak iż-żmien ukoll kienet inqalgħet kontroversja bejn il-Gvern Malti u dak Taljan immexxi mill-Prim Ministru Enrico Letta li ftit tax-xhur wara tilef postu għaliex kien qalibhielu Matteo Renzi fi ħdan il-Partit Demokratiku Taljan.
Jidher ċar li minħabba l-implikazzjonijiet li ġabet magħha dik it-traġedja kemm Joseph Muscat kif ukoll Matteo Renzi laħqu xi forma ta’ kompromess fejn l-Italja bdiet tieħu hi l-immigranti biex tkun evitata traġedja oħra.
Iżda dan il-ftehim sigriet ma kellu l-ebda bażi li torbot lill-Italja tant li issa l-Gvern Taljan ħarrax il-pożizzjoni tiegħu kontra Malta u l-kwistjoni spiċċat quddiem il-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea. Fis-Summit ta’ nofs din il-ġimgħa ittieħdu deċiżjonijiet li jħallu lil Malta mingħajr ebda soluzzjoni. Fil-fatt Malta kellha tieħu 230 immigrat li kienu fuq il-vapur ‘Lifeline’.
//= $special ?>