Lokali

RITRATTI: Minn Radio 101 għal NET FM

Il-gazzetta il-mument tiżvela libsa ġdida għal Radio 101 minn għada 2 ta' Lulju bil-mira li tilħaq firxa akbar ta' semmiegħa

“Kollox jinsab lest biex minn għada t-Tnejn 2 ta’ Lulju dak li s’issa konna nafuh bhala Radio 101 jinbidel f’NET FM, stazzjon tar-radju li żamm l-esperjenza ta’ ħamsa u għoxrin sena iżda ġġedded fi stazzjon iżjed modern u kontemporanju kif jitolbu ż-żminijiet.”

Pierre Portelli, iċ-Chairman Eżekuttiv Ewlieni ta’ media.link communications, ħabbar dan f’intervista mal-gazzetta il-mument li fiha spjega li NET FM se jkollu dehra ġdida permezz ta’ eżerċizzju ta’ re-branding wara li kienu studjati x-xejriet fost il-poplu Malti u Għawdxi skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika ta’ dawn l-aħħar ħmistax-il sena.

“Studjajna d-data biex naraw x’wassal biex Radio 101 tilef tant udjenzi bejn l-2003 u l-2018,” fisser Pierre Portelli li enfasizza li “minbarra f’rebranding, li essenzjalment hu ererċizzju ta’ marketing fejn tkun aġġornata d-dehra u l-immaġini tal-prodott, qed nagħmlu wkoll eżerċizzju ta’ re-positioning fejn irridu li NET FM ikun popolari wkoll ma’ dawk li jaqgħu fil-faxxa ta’ tletin u ħamsin sena.”

Il-logo il-ġdid ta’ NET FM

Pierre Portelli spjega li “din hi faxxa li Radio 101 kien tilef tul is-snin u l-iskop tagħna hu li nerġgħu nġibuha lura permezz ta’ dan it-tibdil.”
“Net” hu isem sinonimu mat-telesepettaturi ta’ NET TV, b’hekk issa NET FM se jkun estenzjoni tal-istess marka. Il-frekwenza ta’ NET FM se tibqa’ ta’ mija u wieħed mega herz fl-FM kif dejjem kien s’issa.

L-Awtorità tax-Xandir, permezz taċ-Chairman Martin Micallef u s-CEO Joanna Bugeja, kienu infurmati b’dan it-tibdil fl-isem ta’ l-istazzjon.
“Tawna l-pariri tagħhom u għenuna nagħmlu kollox skont il-proċedura,” qal Piere Portelli li rringrazzja lill-Awtorità għall-appoġġ li tagħti lill-istazzjonijiet Maltin.

Il-logo oriġinali ta’ Radio 101… Mixja ta’ 25 sena li minn għada se tkun qed tingħata libsa ġdida biex tilħaq firxa usa’ ta’ semmiegħa

Mistoqsi dwar il-programmi li se jkollu NET FM, Pierre Portelli qalli l-istazzjon mistenni li jkollu breakfast show ġdid: Wake-Up Call immexxi minn Ronald Briffa, vuċi u wiċċ magħruf mal-Maltin, flimkien ma’ żewġ vuċijiet ġodda: Janet Barthet u Dylon Brignano.

Fi tmiem il-ġimgħa l-breakfast show ikompli b’Wake-Up Weekend ma’ Mark Azzopardi, vuċi oħra magħrufa, flimkien ma’ Roderick Vella u Stephanie Chircop.
Programm ġdid li se jkompli jżid mal-ħin ta’ diskussjoni fuq NET FM se jkun Follow-Up ma’ Dulcima Aquilina. Follow-Up se jiffoka fuq temi soċjali u problemi li n-nies isibu ma’ wiċċhom ta’ kuljum. Dulcima Aquilina u t-team tagħha se jkunu qed isegwu l-problemi li jresqu s-semmiegħa u jagħtu r-risposti għal dak li se jistaqsu.

Wara nofsinhar Martin Sapiano u Stephanie Chircop se jkunu qed jippreżentaw il-programm Buckle-Up immirat l-iżjed għal dawk li jinqabdu fit-traffiku u jridu kumpannija tajba permezz ta’ NET FM bejn is-sagħtejn u l-erbgħa u nofs fejn wara jibda l-programm FEEDBACK immexxi minn Jerome Caruana Cilia. Dan il-programm se jibqa’ sejjer sas-sitta meta jixxandar il-bullettin ta’ NETNEWS.

L-iskeda l-ġdida ta’ NET FM hi mimlija b’diversi programmi oħra u preżentaturi kemm ġodda kif ukoll oħrajn li diġà kienu jagħmlu parti minn Radio 101. Issa l-familja ta’ NET FM kompliet tikber u żżid vuċijiet ġodda ma’ dawk ta’ esperjenza. M’hemmx dubju li fattur ewlieni ta’ NET FM se tkun il-mużika tajba minn filgħodu sa filgħaxija.

Fost il-programmi speċjalizzati se jkun hemm ukoll Jum Ġdid bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Noel Bartolo fejn mit-Tnejn sas-Sibt bejn il-ħamsa u s-sitta ta’ filgħodu se jkun ddedikat għal fidi u l-kelma t-tajba.