Ironikament, f’attivita’ li fiha kien hemm numru kbir ta’ studenti li kienu qegħdin jiġu ippremjati għal xogħol li għamlu fl-iskejjel billi ħawlu s-siġar u stinkaw biex isebbħu l-ambjent – il-Ministru Jose Herrera għażel li jiġġustifika l-azzjonijient tal-Gvern li neħħa numru kbir ta’ siġar.
Waqt l-attività li fiha l-Ministru tkellem u prova jsib skuża għall-qlugħ tas-siġar, fejn spjega li kien ġustifikat minħabba t-traffiku. Tenna li bilfors kellu jsir hekk biex jitwessaw it-toroq u li jrid jinħoloq bilanċ.
F’dawn il-ġimgħat tqajjem furur f’diversi lokalitajiet madwar Malta, dan hekk kif numru kbir ta’ siġar tqaċċtu mit-toroq. Kienu bosta dawk l-esperti li kkundannaw l-azzjonijiet tal-Gvern – partikolarment għall-fatt li qatt ma saret konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati.
Fost l-oħrajn, il-Hub Nazzjonali tar-riċerka Etnobotanika stess hu konċernat bil-mod kif qed jitqaċċtu s-siġar.
Nhar is-Sibt li għadda, fil-Belt Valletta saret protesta li għaliha attendew mijiet ta’ nies biex iwasslu l-messaġġ lill-Gvern kontra l-qerda tal-ambjent. Waqt din l-attività numru ta’ nies ħadu magħhom strixxuni b’messaġġi u appelli biex nibżgħu għall-ambjent.
Aħbarijiet relatati:
//= $special ?>FILMAT U RITRATTI: Dimostrazzjoni favur l-ambjent – ħtieġa għal aktar ħarsien