Rimonta mill-Belġjani poġġiethom fil-kwarti tal-finali b’rebħa ta’ 3-2 fuq il-Ġappun. Partita missielta bejn żewġ timijiet li attakkaw, iżda r-riżultat hu kiefer mal-Ġappuniżi minħabba li kienu ftit sekondi bogħod milli jisfurzaw il-ħin barrani.
Il-Ġappun fetħet l-iskor fit-48 minuta meta minn żball ta’ Jan Vertonghen, GENKI HARAGUCHI ħa vantaġġ u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Courtois. Għaddew erba’ minuti u l-iskor sar 2-0. Kagawa b’azzjoni brillanti għadda TAKASHI INUI li b’xutt mill-isbaħ għar-rokna ma tax ċans lil Courtois.
Il-Belġju naqqset id-distakk fis-70 minuta meta d-difiża Ġappuniża naqset li tbiegħed il-periklu b’JAN VERTONGHEN jegħleb lil Kawashima b’daqqa ta’ ras fuq it-tieni lasta. It-tim ta’ Martinez ġab id-draw erba’ minuti wara meta minn kross ta’ Hazard, għola tajjeb is-sostitut MAROUANE FELLAINI u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Kawashima.
Il-Ġappun marret qrib il-gowl tar-rebħa fl-94 minuta, bi free-kick ta’ Keisuke Honda li kien imdawwar f’korner minn Courtois. Iżda mill-istess korner, il-Belġju skorjat il-gowl tal-kwalifikazzjoni fl-aħħar azzjoni. Kien kontrattakk veloċi, b’Meunier jikkrossja għan-nofs, Lukaku ħalla l-ballun u spiċċa għand NACER CHADLI li skorja b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>