Il-pazjenti fl-isptarijiet qed jispiċċaw ibatu minn nuqqas ta’ pjan tal-Gvern fis-settur tas-saħħa. Dan hekk kif qed jiġu kkanċellati 15-il operazzjoni kull ġimgħa minħabba nuqqas ta’ 550 infermieri, meta għal kull operazzjoni jeħtieġ li jkun hemm preżenti mal-erba’ infermieri. Għal din is-sitwazzjoni qed jispiċċaw ibatu n-nies, b’mod speċjali l-anzjani u waslet minħabba li l-Gvern ma għamel xejn sabiex jattira aktar żgħażagħ u ħaddiema ġodda lejn din il-vokazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li l-Gvern ilu jaf b’din il-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri iżda ma sar xejn sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom. Dan meta s-sigħat bażiċi tal-infermieri huma 46 siegħa fil-ġimgħa u qed ikollhom jagħmlu wkoll bejn l-14 u 19-il siegħa sahra. Jekk l-infermieri preżenti ma jagħmlux din is-sahra kollha, l-operazzjonijiet li qed jiġu kkanċellati jispiċċaw jitripplaw u s-sitwazzjoni tispiċċa tmur aktar għall-agħar.
Il-Kandidat Herman Farrugia qal li dawn il-kundizzjonijiet qed iwasslu biex l-infermieri jgħaddu minn burnoutu l-kundizzjonijiet preżenti m’humiex tajbin biex jiġu attirati aktar żgħażagħ ġodda lejn dan is-settur. Huwa qal ukoll li l-Gvern mhux jilqa’ t-talbiet tal-unjin tal-infermiera l-MUMN, għall-ftehim settorjali ġdid sabiex il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-infermieri jitjiebu. Hermann Farrugia qal li jekk l-infermieri jispiċċaw demoralizzati jkun hemm effett fuq is-settur tas-servizzi tas-saħħa. Meta l-Gvern qed iġib f’Malta mal-10,000 ħaddiema barranin kull sena din se ġġib magħha pressjoni fuq is-settur tas-saħħa wkoll.
Il-Partit Nazzjonalista jqis li din is-sitwazzjoni waslet minħabba nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, li bħalma qed jagħmel f’setturi oħra bħalma hija l-immigrazzjoni, fis-settur tas-saħħa wkoll qed jispiċċa jkaxkar saqajh quddiem il-problemi minflok isib soluzzjoni għalihom. Fid-dawl tal-azzjonijiet industrijali li se jsiru nhar il-Ħamis, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jixpruna lill-Gvern biex jidħol f’diskussjonijiet serji mal-MUMN biex tinstab soluzzjoni għal din il-kriżi biex il-pazjenti ma jibqgħux ibatu.
//= $special ?>