Pulizija f’New Delhi ħabbru li kienu sabu 11-il katavru f’dar. Dawn kienu mgħammda u mgħallqa u jidher li kienu kollha membri tal-istess familja.
B’kollox kien hemm għaxar persuni li nstabu mgħallqa filwaqt li l-11-il vittma, mara anzjana, instabet mejta mal-art u jidher li din mietet fgata.
Il-Pulizija issa qed tipprova tistabbilixxi jekk dan kienx suwiċidju tal-massa inkella qtil imma fuq il-vittmi mill-ewwel daqqa t’għajn ma kienx hemm ħjiel ta’ vjolenza.
Min-naħa l-oħra l-Pulizija qalet li ma sabet ebda nota li tindika li dak li seħħ kien suwiċidju.
Is-sejba makabra nstabet f’dar f’Burari, raħal fit-Tramuntana tal-kapitali Indjana. Fost il-vittmi kien hemm sebgħa li kienu nisa u fosthom żewġ minuri. L-iżgħar vittma kellha 12-il sena. Sorsi qalu li l-familja kienu jmexxu ħanut tal-merċa u reċentement kienu bdew negozju tal-plywood.
Is-sejba makabra saret minn wieħed mill-ġirien.
Jinstabu 11-il persuna mill-istess familja mgħallqa fl-Indja


