Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Il-kaptan tal-Lifeline jingħata l-liberta’ proviżorja

Dan il-każ jaf joħloq preċedent legali meqjus kruċjali

Il-kaptan tal-vapur Lifeline ġie ordnat joħroġ garanzija personali ta’ €10,000 u jiffirma darba fil-ġimgħa fl-għassa ta’ Bormla, hekk kif dalgħodu deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Il-kaptan Claus Peter Reisch jinsab akkużat li uża l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta mhux reġistrat mal-Awtorità fir-Reġistru għall-Bastimenti Żgħar, u li għamel użu mill-vapur b’rabta kummerċjali fl-ibħra Maltin meta ma kellux liċenzja minn Transport Malta.

Ftit qabel l-10am bdew jaslu quddiem il-Qorti membri tal-ekwipaġġ tal-vapur Lifeline, bi flokkijiet bil-kliem Save Lives. Il-Kaptan wasal iktar tard, u deher dieħel fil-Qorti akkumpanjat mill-avukati tiegħu.

AĠĠORNATA

Fil-Qorti beda jinstema’ l-każ kontra l-kaptan tal-vapur Lifeline.

Fi stqarrija, il-kaptan innifsu qal li filwaqt li hu qed jitressaq il-Qorti, jinsab b’kuxjenza nadifa li flimkien mat-tim tiegħu salva 234 persuna mill-għarqa. Saħaq li dwar dan m’għandu l-ebda sens ta’ ħtija.

Wieħed mill-volontiera kien kwotat jgħid illi “min isalva l-ħajjiet m’għandux jitressaq il-Qorti”.

Il-kaptan qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom li uża l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta mhux reġistrat mal-Awtorità fir-Reġistru għall-Bastimenti Żgħar. Se jiġi akkużat ukoll li għamel użu mill-vapur b’rabta kummerċjali fl-ibħra Maltin meta ma kellux liċenzja biex jagħmel dan minn Transport Malta.

Jidher li l-Pulizija se titlob ukoll lill-Qorti biex tikkonfiska l-vapur ‘MV Lifeline’.