Lokali Qorti

Żewġt irġiel jinżammu arrestati wara li nqabdu bi 84kg kannabis

Żewġt irġiel inżammu arrestati wara li ċaħdu l-allegazzjonijiet miġjuba kontrihom u qalu li mhumiex ħatja ta’ involviment f’sejba ta’ 84 kilogramma kannabis li nstabet ġo vann nhar is-Sibt.

Tomislav Hegedus ta’ 26 sena joqgħod il-Mosta, u Fabian Catania ta’ 42 sena mill-Qawra ġew arrestati wara li fil-pussess tagħhom instabet id-droga kannabis li kienet tidher lesta biex tinbiegħ.

Iż-żewġ irġiel ġew arrestati f’Santa Venera minn membri tad-Drug Squad u r-Rapid Intervention Unit, wara li kienu qed jiġu segwiti għal numru ta’ ġranet. Huwa tressqu l-Qorti separatament, b’akkużi ta’ konfoffa u pjanar ta’ traffikar ta’ droga, u kif ukoll għal pussess tal-kannabis.

Madanakollu, huma tressqu wkoll taħt akkużi oħra differenti – hekk kif Tomislav Hegedus tressaq taħt l-akkuża tal-importazzjoni tal-kannabis u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Filwaqt li Fabian Catania tressaq ukoll minħabba pussess ta’ kokaina u talli hu riċediv.

Quddiem il-Qorti, sar magħruf li d-droga kienet moħbija f’għamara li kienet ġol-vann, hekk kif twaqqfu mill-Pulizija.

Minkejja li saret talba għall-ħelsien mill-arrest għall-partijiet difensuri, it-talba ma ntaqgħetx hekk kif fil-konfront ta’ Fabian Catania l-Qorti sabet li l-gravità tal-każ u l-fatt li l-evidenza tista’ tiġi mxekkla huma raġunijiet biex ma jitħalliex jiġi meħlus mill-arrest. Minn naħa l-oħra, fil-każ ta’ Tomislav Hegedus – il-prosekuzzjoni argumentat li hu persuna mhux affidabbli speċjalment li kien diġa’ kiser il-kundizzjoni li fuqhom nħeles mill-arrest.

L-avukati Franco Debono u Mario Mifsud dehru f’isem l-imputat Tomislav Hegedus. Filwaqt li l-avukat Michael Scriha deher f’isem Fabian Catania.

L-ispetturi Jonathan Cassar u Anthony Scerri mexxew il-prosekuzzjoni.