Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Deċiż il-futur ta’ Joachim Lӧw

(Ritratt: EPA)
Lӧw kien fil-mira ta' spekulazzjoni wara l-eliminazzjoni tal-Ġermanja

Joachim Lӧw se jibqa’ fit-tmexxija teknika tat-tim nazzjonali Ġermaniż minkejja t-Tazza tad-Dinja diżażtruża. Sky fil-Ġermanja qed tirrapporta li Lӧw ingħata impenn verbali li jonora l-kuntratt li ffirma qabel it-Tazza tad-Dinja, kuntratt li ġedded sal-2022.

Il-Ġermanja naqset li tgħaddi mill-fażi tal-gruppi u spiċċat l-aħħar fi Grupp F wara t-telfa ta’ 2-0 kontra l-Korea ta’ Isfel fl-aħħar logħba.

Fil-konferenza stampa wara l-logħba, Lӧw ma weġibx dwar il-futur tiegħu u qal li kien għadu kmieni biex jiddiskutu jekk għandux jibqa’ fit-tmexxija tat-tim u jmexxi lit-tim Ġermaniż għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għal Euro 2020 li tibda f’Settembru.

Il-President tal-Federazzjoni Ġermaniża Reinhard Grindel insista li l-pożizzjoni ta’ Lӧw mhix f’dubju anki jekk kienu eliminati kmieni. Hu saħaq li ddeċidew fil-kumitat eżekuttiv qabel it-Tazza tad-Dinja li jġeddulu l-kuntratt.

“Aħna nemmnu li hemm tranżizzjoni li se ssir wara t-Tazza tad-Dinja irrelevanti mir-riżultat fit-tournament, u ħadd mhux aħjar li jikkontrolla din is-sitwazzjoni minn Lӧw.”

Lӧw mexxa lit-tim Ġermaniż tal-anqas sas-semifinali  ta’ kull tournament maġġuri li ħadu sehem minn meta ħa t-tmexxija tat-tim fl-2006, filwaqt li għenhom jirbħu t-Tazza tad-Dinja fl-2014.