Internazzjonali

Il-Ġermanja: Ftehim dwar l-immigranti jevita firda fil-koalizzjoni ta’ Merkel

Angela Merkel il-kap tas-CDU.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, laħqet ftehim dwar l-immigrazzjoni biex b’hekk temmet kriżi politika li kienet qed thedded li ġġib fi tmiem il-Gvern ta’ koalizzjoni f’Berlin.

L-aktar aspett kruċjali fil-ftehim, intant, hu li l-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Horst Seehofer, irtira t-theddida li jirtira, wara sigħat ta’ taħditiet. Seehofer hu l-kap tal-Unjoni Nisranija Soċjali (CSU) tal-Bavarja li hi l-alleata ewlenija tal-Partit Demokristjan (CDU) ta’ Merkel fil-Gvern.

Angela Merkel, issa, qablet biex tissikka l-kontrolli mal-fruntiera tal-Awstrija biex tevita li jidħlu fil-Ġermanja immigranti li jkunu applikaw għal kenn politiku f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Dan meta għandhom jitwaqqfu ċ-ċentri apposta biex iżommu l-immigranti li jaqsmu lejn territorju Ġermaniż u sakemm huma jistgħu jintbagħtu lura.

Merkel fissret il-ftehim bħala kompromess siewi wara li hi kienet involuta f’diversi negozjati diffiċli. Min-naħa tiegħu, Seehofer qal li l-ftehim, wara diskussjonijiet intensivi, mistenni li, fil-futur, jevita l-immigrazzjoni illegali mill-fruntiera tal-Ġermanja mal-Awstrija.

Madankollu hemm il-mistoqsijiet ‘dwar kif il-ftehim se jiffunzjona mal-fruntiera tal-Awstrija’. Fil-fatt, il-Gvern Awstrijak qal, ilbieraħ, li għandu jħejji l-miżuri li jipproteġu l-fruntieri tan-nofsinar tal-Awstrija, meta l-awtoritajiet fi Vjenna kienu qegħdin ifittxu ‘kjarifika mill-aktar fis’ tad-deċiżjoni mill-Ġermanja.

Fl-istess ħin, il-ftehim inkwistjoni qed iqajjem mistoqsijiet dwar it-trattament xieraq ta’ immigranti li jfittxu kenn politiku fost il-mistoqsijiet dwar il-funzjoni tal-ftehim ta’ Schengen li jippermetti l-ivvjaġġar mingħajr passaport tul il-fruntieri interni tal-UE.

Caption A – Angela Merkel