Il-Birdlife Malta kejlet għat-tieni darba l-kwalità tal-arja fil-Belt Valletta. Dan l-eżerċizzju sar waqt il-wasla u t-tluq ta’ erba’ cruise liners u numru ta’ vapuri oħra iżgħar fil-Port il-Kbir bħala parti mill-proġett ‘Together against Air Pollution from Ships’ li għaddejja bih bħalissa l-NGO. Kampjuni tal-arja li ttieħdu faċċata tat-terminal tal-passiġġieri tal-cruise liners fl-Isla juru konċentrazzjoni qawwija ta’ frak fin ħafna u ta’ NO₂ meta fil-port kienu deħlin jew ħerġin il-vapuri tal-passiġġieri, inkella meta dawn kienu marbutin mal-moll.
Fi stqarrija l-Birdlife qalet li l-eżerċizzju sar bl-għajnuna ta’ esperti u li r-riċerka turi li matul ix-xhur tas-sajf, meta fil-Port il-Kbir jistgħu jorbtu f’daqqa massimu ta’ seba’ bastimenti tal-passiġġieri, dawn il-vapuri jikkontribwixxu biex ikomplu jiżdiedu l-livelli diġà għoljin ta’ emissjonijiet fl-arja f’Malta. Fost tagħrif ieħor eżistenti, stimi meħudin mill-Indiċi tal-Kwalità tal-Arja ppubblikat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fil-bidu tal-2018 jikklassifikaw il-kwalità tal-arja f’Malta bħala fqira ħafna.
B’kuntrast mal-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet minn sorsi oħra bħall-użu ta’ sistemi li jnaddfu l-gassijiet mill-exhaust għall-karozzi, trakkijiet u impjanti tal-enerġija; l-emissjonijiet fil-qasam tat-tbaħħir m’hemmx obbligu li jiġu ffiltrati.
Espert tal-kwalità tal-arja Axel Friedrich, li l-Birdlife qabbdet għal dan l-istħarriġ, spjega kif l-emmissjonijiet mill-vapuri għandhom effett fuq is-saħħa tal-bniedem, għax jaffettwaw ħażin il-funzjoni tal-pulmuni u jżidu r-riskju ta’ mard kardjovaskulari – kif ukoll l-ażma li jiġi kkawżat minn dan it-trab fin.
Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar l-Implimentazzjoni Ambjentali għal Malta ppubblikat is-sena li għaddiet wera li l-ispiża relatata massaħħa f’dak li għandu x’jaqsam mat-tniġġis tal-arja tammonta għal aktar minn €182 miljun fis-sena u li kull sena jintilfu 44,000 ġurnata xogħol minħabba leave tal-mard relatat mat-tniġġis tal-arja. Dawn l-ispejjeż jiġu koperti mis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa.
Residenti li jgħixu viċin il-port huma l-aktar milquta mit-tniġġis tal-arja mill-vapuri. Madanakollu, dan il-frak fin fl-atmosfera jinġarr mijiet ta’ kilometri ’il ġewwa fejn jikkontribwixxi għal problemi lokali fil-kwalità tal-arja anke ’l bogħod mill-portijiet. Ċifri tal-Kummissjoni Ewropea jistmaw li 50,000 persuna jmutu qabel iż-żmien kull sena fl-Ewropa minħabba t-tniġġis tal-arja mill-vapuri.
Il-Birdlife temmet tappella lill-Gvern biex jindirizza l-problema tat-tniġġis fl-arja mill-vapuri u jagħti eżempju billi jaddotta politika ta’ żero emissjonijiet fil-qasam tat-tbaħħir.
//= $special ?>