Lokali Saħħa

Il-Psikoterapija – professjoni awtonoma reglorizzata

Ritratt: Martin Agius
Approvata unanimament l-abbozz tal-liġi dwar il-psikoterapija

L-abbozz ta’ liġi li tirregola l-psikoterapisti bħala professjoni awtonoma ġiet approvata unanimament mill-Parlament wara ħidma mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikoterapija biex din tiġi rrealizzata.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, Charles Cassar, President tal-Assoċjazzjoni, qal kif pajjiżi Ewropej oħra, bħall-Kroazja, qed jimxu fuq il-passi ta’ Malta u jbiddlu l-liġijiet rispettivi biex jirrikonoxxu l-psikoterapija bħala professjoni li saħansitra tikkumplimenta l-mediċina. Il-liġi tispeċifika min jista’ jippratika l-psikoterapija, x’tip ta’ taħriġ għandu jkollu individwu biex jissejjaħ psikoterapista, u r-responsabbiltajiet u dmirijiet li għandu l-psikoterapista lejn min juża s-servizzi tiegħu.

Huwa qal kif din il-mixja storika bdiet f’Lulju tal-1990 meta l-Awstrija lleġiżlat att legali li jirrikonoxxi l-professjoni dwar il-psikoterapija u sena wara twaqqfet l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Psikoterapija. L-Assoċjazzjoni Maltija ssieħbet 6 xhur wara t-twaqqif tagħha fil-bidu tal-millenju u kien fi żmien Gvernijiet Nazzjonalista li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li rrikonoxxiet u poġġiet l-klijent fiċ-ċentru tal-ħidma tal-psikoterapisti.

L-Assoċjazzjoni kkolaborat bis-sħiħ mal-Università ta’ Malta sabiex inħolqu korsijiet ta’ baċellerat u masters speċjalizzati fis-settur fl-2014. Kien għalhekk li din il-liġi nkurunat il-ħidma tal-Assoċjazzjoni fil-qasam biex b’hekk, gradwat se joħroġ b’kompetenzi ta’ prattika li tista’ tkun awtonoma f’diversi kampijiet, mhux biss f’dik klinika jew medika, iżda wkoll fil-kuntesti edukazzjonali, soċjali, u psikoloġiċi.