L-Arċisqof Awstraljan, Philip Wilson, ingħata sentenza ta’ detenzjoni għal massimu ta’ tnax il-xahar talli kien ħeba dwar abbuż sesswali tat-tfal li jmur lura għas-snin sebgħin.
Wilson, illum l-Arċisqof ta’ Adelaide, hu l-aktar uffiċjal imlaħħaq tal-Knisja Kattolika li qatt spiċċa kundannat għal ir-reat, wara li qorti kienet sabitu ħati dwar ħabi ta’ abbużi minn qassis pedofelu, bl-isem James Patrick Fletcher, li seħħew fi New South Wales.
Il-qorti, ilbieraħ, iddeċidiet biex l-Arċisqof Wilson ikun evalwat ‘għal detenzjoni fir-residenza tiegħu’, fost indikazzjonijiet li hu x’aktarx li jevita priġunerija ġo kumpless ta’ ħabs. Il-maġistrat, Robert Stone, qal li l-arċisqof, li jista’ ikun eliġibbli għall-ħelsien fi żmien sitt xhur, ‘ma wera l-ebda rimors jew sinjali ta’ dispjaċir’.
Sadanittant, Wilson ma rriżenjax minn arċisqof minkejja li kien warrab għad-doveri tiegħu malli l-ħtija tiegħu kienet ikkonfermata.
F’Mejju li għadda, qorti deċidiet li l-arċisqof kien falla milli jirrapporta l-abbuż ta’ abbatini taħt idejn il-qassis (Fletcher) lill-pulizija. Dak iż-żmien, Wilson kien għadu qassis fir-reġjun ta’ Maitland u ‘kien naqas milli jwassal l-ilmenti tal-vittmi bil-ħsieb li jipproteġi r-reputazzjoni tal-knisja’. Fl-2004, Fletcher kien instab ħati dwar diversi każi ta’ abbuż tat-tfal u kien miet il-ħabs, sentejn wara.
//= $special ?>

