L-istilla Arġentina Diego Maradona offra li jerġa’ jkun kowċ ta’ pajjiżu b’xejn, tmien snin wara li l-esperjenza tiegħu fit-Tazza tad-Dinja ntemmet b’diżappunt.
Maradona kien preżenti fit-telfa ta’ 4-3 li l-Arġentina kellha kontra Franza f’Kazan is-Sibt li għadda. Hu kien mistoqsi jekk ikunx interessat li jerġa’ jmexxi lit-tim, anki jekk il-kowċ Jorge Sampaoli għandu kuntratt sal-2022.
“Iva, u nagħmilha b’xejn. Ma nitlob xejn lura,” qal Maradona fuq programm televiżiv tal-Veneżwela.
L-eks plejers ta’ Boca Juniors u Napoli mexxa lit-tim Arġentin fit-Tazza tad-Dinja tal-2010, fejn it-tim tiegħu kien eliminat fil-kwarti tal-finali 4-0 kontra l-Ġermanja. Minn dakinhar, Maradona mexxa żewġ klabbs fl-Għarab Emirati Magħquda.
Maradona li mexxa lill-Arġentina għar-rebħ tal-aħħar Tazza tad-Dinja tagħhom fl-1986. Hu għadu kkunsidrat wieħed mill-persuni l-aktar kontroversjali fil-futbol, fejn anki fir-Russja spikka fil-logħbiet tal-Arġentina.
Fost ix-xeni li fihom spikka, kien hemm il-pożi taċ-ċelebrazzjonijiet mal-gowls Arġentini, ġesti mhux xierqa lil xi partitarji filwaqt li kellu jittieħed ġewwa f’kamra minħabba li sofra minn pressjoni baxxa.
“In-nies jaħsbu li jien kuntent imma qalbi tqila. Inħossni dispjaċut li dak kollu li bnejna b’ħidma kbira, waqa’ daqshekk faċilment,” kompla Maradona.
//= $special ?>