“Il-proġett pilota #DiscoverEU jeħtieġ li jiżviluppa fi programm bħal dak ta’ suċċess ta l-Erasmus+ li jagħti lill-Maltin l-opportunità li jivvjaġġaw bla ħlas meta jgħalqu 18-il sena. Dan mhux biss biljett għal vjaġġ mingħajr ħlas iżda investiment fiż-żgħażagħ. Wara kollox, l-UE mhix biss dwar il-politika iżda wkoll dwar il-kultura u li tgħaqqad lin-nies flimkien.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara laqgħa li saret mal-Kummissarju għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport Tibor Navracsics, u numru ta’ żgħażagħ Maltin fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Il-Kummissarju Ewropew Tibor Navracsics tkellem dwar l-importanza tal-proġett #DiscoverEU u qal li l-idea wara din l-inizjattiva hi biex aktar żgħażagħ ikunu nteressati li jistudjaw u jgħixu f’xi Stat Membru ieħor. “Għalhekk ressaqna ‘l quddiem l-idea li jkollhom biljett b’xejn għall-ivjaġġar malli tgħalaq 18-il sena, qabel l-istudenti Ewropej jiddeċiedu jekk ikomplux bl-istudji tagħhom permezz ta’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE, bħall-Erasmus.”
Zammit Dimech qal li kien sodisfatt li aktar minn 120 żagħżugħ u żagħżugħa minn Malta u Għawdex applikaw biex jipparteċipaw fil-proġett pilota. S’issa 15-il applikant intgħażlu u se jirċievu biljett tal-ferrovija bla ħlas li jagħtihom iċ-ċans li jżuru sa 4 pajjiżi Ewropej b’xejn matul perjodu ta’ mhux aktar minn xahar. L-applikanti jistgħu jiċċekkjaw jekk ġewx magħżula permezz hawnhekk: bit.ly/2NayBt9.
Zammit Dimech, li huwa membru tal-Kumitat Parlamentari responsabbli għaż-Żgħażagħ, qal “Se ninsisti għal aktar fondi biex il-Maltin jirċievu biljett tal-ivvjaġġar b’xejn meta jgħalqu 18-il sena!” Zammit Dimech żied li dawn il-fondi m’għandhomx jiġu mill-baġit tal-Erasmus+. Anzi, l-flus għall-Erasmus jeħtieġ li wkoll jiżdiedu sabiex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta’ mobilità relatati mal-isports u l-edukazzjoni.
//= $special ?>