Lokali Saħħa

DIRETTIVI FL-ISPTARIJIET: Il-union tal-infermieri tibqa’ injorata mill-Gvern

Issa anke l-carers ordnati biex ma jagħmlux xogħol żejjed; Se jintlaqtu l-isptarijiet, id-djar tal-anzjani u ċ-ċentri tas-saħħa kollha

Ftit sigħat biss qabel jiskattaw id-direttivi tal-MUMN għall-infermiera kollha ta’ Malta u Għawdex, Colin Galea, Segretarju Ġenerali tal-Union tal-Infermiera u Qwiebel (MUMN) ikkonferma ma’ NET News li baqa’ ma ntlaħaq l-ebda ftehim mal-Gvern.

Dan ifisser li mis-7.00 ta’ għada filgħodu, l-infermiera u l-qwiebel tal-isptarijiet kollha kif ukoll taċ-centri tas-saħħa u tad-djar tal-anzjani ser ikunu qed jobdu lista twila ta’ direttivi maħruġa mill-union tagħhom.

Jidher li fil-ġurnata tal-lum ma saru l-ebda laqgħat u s-sitwazzjoni baqgħet dik li kienet fl-aħħar jiem.

Għal dawn l-aħħar ġimgħat l-MUMN kienet f’diskussjoni mal-Gvern biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-membri tagħha. Fost it-talbiet tal-union hemm talbiet għal skema ta’ rtirar kmieni, żieda fl-allowances u opportunitajiet aħjar għall-progressjoni fil-karriera.

Minkejja li l-MUMN ilha żmien twil li rreġistrat it-tilwima industrijali, u minkejja li l-attentati kollha biex tinstab soluzzjoni, jidher li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu tant li ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Intant is-sitwazzjoni mill-Ħamis filgħodu mistennija tkun aktar prekarja hekk kif il-General Workers Union, fi stqarrija li ħarġet ftit ilu tat direttivi biex ħaddiema fi gradi ta’ Nursing Aide, Health Assistant, Careworker, Assistant Care Worker, Social Assistant jew grad ieħor relatat mal-kura tal-pazjenti ma jagħmlux forom ġodda ta’ xogħol li s-soltu jsiru minn infermiera kwalifikati.

Fl-istess waqt l-istess impjegati għandhom iżommu lura milli jagħmlu xogħol li n-natura tiegħu titlob li dan isir taħt superviżjoni tal-infermieri.