Lokali

FILMAT: L-istorja tal-Kursara f’Malta rrakkontata llum fit-toroq tal-Belt

L-istorja tal-Kursar Malti – jew il-Pirata liċenzjat biex jisraq – issa qed titgawda b’tours apposta organizzati mat-toroq tal-Belt.

Il-proġett “Licensed to steel”, li beda ftit tal-ġimgħat ilu, hu xogħol Giacomo Muscat u Chris Schembri, li ilhom numru ta’ snin ifittxu fl-istorja Maltija dwar sehem il-Maltin fuq il-baħar, mijiet ta’ snin ilu.

Waqt li Chris kien għaddej bit-tour ma’ għadd ta’ turisti, Giacomo beda jispjegalna kif il-ħsieb wara l-kumpanija tagħhom, The Real Malta Tours, wasal grazzi għall-kurżità li dejjem kellu sa minn meta kien għadu fl-Iskola.

Spjega li tours bħal dawn, dwar il-Kursara, qatt ma saru f’pajjiżna, bl-intenzjoni tagħhom hi li dan it-tagħlim jasal ukoll fl-Iskejjel. B’hekk, it-tfal Maltin u Għawdxin isiru jafu b’fattur ieħor mill-istorja, li s’issa għadhom qatt ma semgħu biha.

Giacomo spjega li sa minn Żmien il-Kavallieri, iżda mhux biss, xogħol il-Kursara kien wieħed komuni fost il-Maltin, tant li madwar terz tal-irġiel kienu jagħmlu dan ix-xogħol, l-aktar fix-xhur tas-Sajf.

Filwaqt li l-Pirati ma kienux ikunu liċenzjati, il-Kursara kellhom il-liċenzja li jisirqu, iżda mhux li joqtlu. B’hekk, il-vittmi tagħhom wara l-ġlied fuq il-baħar kienu jispiċċaw skjavi, li jinbigħu jew jintużaw għal xi xogħol.

Min-naħa tagħhom, l-Uffiċjali tal-Ordni tal-Kavallieri sabu s-saħħa tal-Maltin ta’ dak iż-żmien bħala l-arma ideali biex il-Kursara Maltin iħammġu idejhom għalihom. Dan meta l-istorja turina li kwalunkwe azzjoni tal-Ordni fuq il-baħar kienet tiswa ħafna spejjeż.

Pereżempju fil-ġlieda kontra l-Ottomani, il-Kavallieri kienu jqabbdu lill-Kursara Maltin biex jagħmlu parti mix-xogħol, għalkemm dawn bl-ebda mod ma kienu jkunu impjegati jew relatati mal-Ordni.

L-għadu komuni kien iwassal biex Kursari minn pajjiżi oħrajn jingħaqdu mal-Maltin, li sa minn dak iż-żmien kienu magħrufa għas-saħħa u l-qlubija tagħhom.

Ikkummenta