Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Il-Gvern jinjora l-isfidi reali li qed jiffaċċjaw id-dijabetiċi – Zammit Dimech

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista jtenni 3 appelli dwar id-Dijabete lill-Gvern

Il-Gvern għandu jieqaf jipprova jagħti l-impressjoni li qiegħed jagħmel xi ħaġa dwar id-dijabete u minflok jindirizza l-isfidi reali tad-dijabetiċi. F’dan ir-rigward, l-MEP Francis Zammit Dimech irrepeta t-tliet appelli tiegħi:
1) biex jipprovdi Continuous Glucose Monitors b’xejn għal dijabetiċi Type 1
2) jipprovdi labar tal-pinna 4mm għat-tfal b’xejn
3) jistabbilixxi Kumitat parlamentari dwar id-Dijabete.

L-MEP Francis Zammit Dimech, ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tad-Dijabete tal-UE, qal dan b’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern Malti, li fiha ħabbar li l-istikek għad-dijabete b’xejn se jkunu disponibbli minn aktar lokalitajiet, pass milqugħ b’mod pożittiv minn Zammit Dimech.

Fit-3 ta’ April, Francis Zammit Dimech kiteb ittra lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fejn appella lill-Gvern biex jipprovdi Continuous Glucose b’xejn għal dijabetiċi Type 1. Zammit Dimech għamel dan l-appell wara bosta appelli magħmula mill-ġenituri waqt konferenza li organizza fuq id-dijabete taħt l-awspiċji tal-President ta’ Malta. Il-Ministru ma rrispondiex għall-ittra u rrikonoxxa biss l-ittra permezz tas-Segretarju Privat tiegħu. Minflok, il-midja kienet infurmata li din il-proposta kienet qed tiġi kkunsidrata.

Il-ġimgħa li għaddiet, Zammit Dimech bagħat ittra oħra biex iħeġġeġ lill-Ministru biex jagħmel disponibbli labar tal-pinna tal-4mm għat-tfal b’xejn peress li l-Gvern kien qiegħed joffri biss labar ta’ 6mm. Dan kien qed iwassal biex il-ġenituri jixtru pakketti ta’ 100 labra tal-4mm għall-prezz ta’ €11 biex jitnaqqas l-uġigħ fuq it-tfal. Madankollu, tali talba ġiet miċħuda mill-gvern minħabba raġunijiet ta’ effettività. Madankollu, Zammit Dimech qal li kien infurmat mill-ġenituri li tkellmu mal-pedjatri dwar id-daqs tal-labar tal-pinna u li approvaw l-użu tal-labar tal-pinna 4mm. Skond il-ġenituri, l-professjonisti wkoll għamlu talba uffiċjali għal labar tal-pinna tal-4mm, liema talba ġiet miċħuda. Il-Gvern qed ikun rasu iebsa u qed iżomm mal-pożizzjoni tiegħu għax qed jagħżel li jinjora l-professjonisti u l-ġenituri, qal Zammit Dimech.

Kelliem għall-gvern kien ukoll ikkwotat mill-midja li qal li “L-użu tal-labar iqsar jista’ jwassal għal tqassim inkorrett jekk dawn jingħataw lill-adolexxenti u adulti minflok tfal”. Zammit Dimech qal li dawn ir-rimarki wasslu għal rabja fost il-ġenituri. “Il-gvern qal li dawk li jagħtu l-labar huma inkompetenti? Qed nitkellmu dwar labar għat-tfal mhux għall-adulti. ”

Dwar il-Continuous Glucose Monitors, il-Gvern qal li kien qed jagħmel ir-riċerka fis-suq. Zammit Dimech qal li “Ir-riċerka għall-Continious Glucose Monitors messha ilha li saret, u dan peress li hu urġenti li dawn il-monitors ikunu ntrodotti.” Zammit Dimech żied jgħid li
wasal iż-żmien biex il-Ministeru tas-Saħħa jidħol fi djalogu attiv u ġenwin mal-ġenituri tat-tfal li jbatu mid-Dijabete Type 1. Huwa tenna li se jkompli jkun il-vuċi tad-dijabetiċi u jitkellem dwar temi li l-Gvern qiegħed jinjora.