Lokali

Il-Kundizzjoni tal-Isptar Monte Karmeli mhix aċċettabli – L-Awditur Ġenerali

Il‑kundizzjoni mhix aċċettabbli li jinsab fiha preżentament l‑Isptar Monte Karmeli hija r‑riżultat tan‑nuqqas ta’ impenn mill‑Gvern ċentrali, fuq medda twila ta’ snin, lejn il‑qasam tas‑saħħa mentali.

Qal dan rapport tal-Awditur Ġenerali li ta’ ħarsa lejn l-effettività u l-istat li jinsab fih l-isptar Monte Karmeli.

Fir-rapport tiegħu l‑Awditur Ġenerali, Charles Deguara, ried jiddetermina jekk l‑isptar Monte Karmeli hux qed jopera b’mod effiċjenti, filwaqt li jindirizza b’mod effettiv il‑problemi ta’ saħħa mentali fis‑soċjetà Maltija.

Dan l‑istudju wera li l-Isptar Monte Karmeli, u konsegwentament is‑saħħa mentali f’Malta, għadhom jiġu kkunsidrati bħala ta’ prijorità sekondarja meta mqabblin mal‑kumplament tas‑settur lokali tas‑saħħa.

Ir-rapport qal li minbarra n‑nuqqas kbir fir‑riżorsi umani, partikolarment fil‑gradi tal‑infermiera, hemm ukoll ċertu tensjoni fir‑relazzjonijiet  bejn il‑management u l‑impjegati ta’ dan l‑isptar, liema sitwazzjoni qed timmina l‑effiċjenza u l‑effettività tal‑operat tal‑isptar.

L‑NAO nnota wkoll li l‑arranġamenti tas‑sigurtà ġewwa Monte Karmeli mhumiex adegwati.

Dan l-istudju wera wkoll li l-isptar Monte Karmeli qed iservi parzjalment bħala l-aħħar rimedju ta’ refuġju għal numru sostanzjali ta’ individwi li, għalkemm huma fil-bżonn ta’ xi forma jew oħra ta’ assistenza u servizzi speċjalizzati oħra, ma jirrikjedux żamma fi sptar għal kura tas-saħħa mentali.

L‑NAO jsostni li din is‑sitwazzjoni qiegħda tpoġġi sfidi kbar għal riżorsi li huma diġà mġebbda, b’konsegwenza li jonqos il‑livell tas‑servizz mogħti lill‑pazjenti li verament ikollhom bżonn jinżammu f’dan l‑Isptar.

L‑Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sab ukoll li, għalkemm it‑triq ’il quddiem hija li l‑kura tas‑saħħa mentali tiġi deċentralizzata lejn servizzi mogħtija fil‑komunità, il‑kliniċi u ċ‑ċentri ta’ matul il‑jum ta’ Monte Karmel huma nieqsa mir-riżorsi umani, kif ukoll ma jidhirx li l‑management tal-isptar qed jagħti l‑attenzjoni neċessarja lil din il‑funzjoni.

Finalment, dan l‑Uffiċċju osserva kif strateġija nazzjonali komprensiva għas‑saħħa mentali għadha ma ġietx implimentata, u għalhekk iħeġġeġ l‑awtoritajiet konċernati biex jagħtuha l-prijorità li jistħoqqilha.