TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-plejers tal-Kolombja jirċievu theddid fuq ħajjithom

Partitarji jgħidulhom "TIĠUX LURA D-DAR"

Il-plejers Kolombjani Mateus Uribe u Carlos Bacca irċievew messaġġi ta’ theddid wara li lbieraħ, fil-partita kontra l-Ingilterra, fallew żewġ penalties. Il-penalty ta’ Uribe ħabat mal-minduda, filwaqt li Bacca ra x-xutt tiegħu milqugħ mill-gowler Ingliż Pickford – żbalji li fissru l-eliminazzjoni għall-Kolobja mit-Tazza tad-Dinja.

Kienu bosta dawk li esprimew ir-rabja tagħhom fuq Twitter u Facebook. Eżatt wara l-partita, kien hemm uħud li kitbu direttament lil Bacca biex ma jirritornax lura pajjiżu u li jriduh mejjet.

Ironikament, kien bħal-bieraħ 24 sena ilu li l-plejer Kolombjan Andres Escobar inqatel fi sparatura wara auto-goal li għamel fit-Tazza tad-Dinja tal-1994.