Tħabbar li kien inqatel Huthaifa al-Badri, it-tifel iż-żgħir ta’ Abu Bakr al-Baghdadi, il-kap tal-ISIS. Dan kien konfermat mill-istess ISIS b’dikjarazzjoni li għamlet fuq l-Internet flimkien ma’ ritratt tat-tifel.
Skont l-istqarrija, hu kien parti mill-“inghimasi”, taqsima ta’ ġellieda speċjali u nqatel waqt li kien qed jiġġieled kontra truppi Sirjani u Russi f’power station fil-provinċja ta’ Homs imma ma ngħatat ebda data ta’ meta seħħet il-mewt.
Rigward missieru, tul is-snin kien hemm diversi rapporti li hu nqatel jew tal-anqas indarab serjament. Imma ħafna jemmnu li hu għadu ħaj u s’issa qatt ma kien hemm xi konferma li hu nqatel.
Dwar il-familja ta’ al-Baghdadi, li hu mill-Iraq, ftit li xejn hu magħruf imma fl-2014, kien rappurtat li fil-Libanu kienu sfaw arrestat mara u tifla li ntqal kienu l-mara u bint l-kap tal-ISIS. Sa fejn hu magħruf hu għandu ħamest itfal.
Inqatel iben il-mexxej tal-ISIS


