Il-vapur Open Arms, li jiġbor l-immigranti li jkunu baħħru mil-Libja diretti lejn l-Ewropa, l-Erbgħa trakka fil-port ta’ Barċellona b’60 immigrant abbord.
Dan wara li ma tħalliex jidħol la fl-Italja u lanqas f’Malta. Il-Prim Ministru l-ġdid Spanjol, is-Soċjalista Pedro Sanchez, offra għat-tieni darba f’xahar li jieħu l-immigranti li kienu abbord wieħed minn dawn il-vapuri.
Il-każ l-ieħor kien tal-Aquarius. Il-ġimgħa li għaddiet, l-Unjoni Ewropea qablet li tissikka d-dħul tul il-fruntieri esterni tagħha u timpenja ruħha aktar fil-kontinent Afrikan biex trażżan in-numru ta’ immigranti li jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropa, fost l-oħrajn bil-ħolqien ta’ ċentri biex jiġu pproċessati dawk li jkunu jridu jmorru l-Ewropa.
L-Open Arms hu użat mill-grupp umanitarju Spanjol ProActiva Open Arms. Ix-xahar li għadda, Spanja aċċettat 629 immigrant li kienu abbord l-Aquarius. Fost dawk li daħlu f’Barċellona hemm ħames nisa u erbat itfal ta’ nazzjonalitajiet varji
//= $special ?>

