Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Maradona jakkuża lit-tim Ingliż li seraq il-logħba kontra l-Kolombja

(Ritratt: EPA)

Diego Maradona qal li l-Kolombja kienu vittma ta’ “serqa monumentali” fit-telfa li kellhom kontra l-Ingilterra. L-istilla Arġentina akkuża lir-referee Amerikan Mark Geiger li ffavorixxa lit-tim ta’ Gareth Southgate.

Geiger ordna penalty fil-bidu tat-tieni taqsima wara li ġġudika li Carlos Sanchez waqqa’ lil Harry Kane. “Il-penalty ma kienx penalty, kien fawl ta’ Kane. Għaliex ma użax il-VAR. Irrabjat għal meta tkellimt ma’ Infantino (il-President tal-FIFA) l-ewwel ħaġa li qalli li kollox inbidel fil-FIFA; il-ħallelin telqu, l-irranġar tal-logħob, kollox.”

“U rajt serqa monumentali fil-pitch. Niskuża ruħi mal-Kolombjani, iżda l-plejers ma jaħtux għaliex mhux aħna nagħżlu r-referees. Ir-referees jintgħażlu minn Collina li nħatar minn Infantino biex jibdel il-FIFA l-ġdida mill-ħallelin, u rajna l-oppost – il-FIFA l-antika.” Maradona kompla li kien sorpriż li Geiger intgħażel biex jikkontrolla l-logħba.