Ronnie Pellegrini se jkun fit-tmun ta’ Transport Malta preċiżament fil-kariga ta’ Chief Operating Officer.
Pellegrini, li fiż-żmien kien qisu d-dell tal-esk Ministru Laburista Lorry Sant – protagonista assolut fi żmien Gvern Laburista tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet meta wkoll pajjiżna kien mifni bil-korruzzjoni u b’ħafna ħniżrijiet kbar li tebbgħu l-istorja ta’ pajjiżna – diġà daħal fil-bini ta’ Transport Malta u nhar it-Tnejn li għadda kellu l-ewwel laqgħat.
Jidher li din il-ħatra kienet imbottata mill-Ministru Ian Borg li qed jifrex it-tapit tal-preparamenti tiegħu biex darba tibda t-tellieqa għal-leadership tal-Partit, allura jkun fil-pole-position fil-konfront ta’ kandidati oħrajn bħall-Ewro-Parlamentari Miriam Dalli, il-Ministru Chris Fearne u l-Konsulent Legali ta’ Kastilja Robert Abela.
Jekk James Piscopo – li twarrab minn Chairman u Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Transport Malta – twarrab bil-pulit mill-istess Ministru Ian Borg wara li tal-ewwel beda jinnamra mal-kandidatura ta’ Miriam Dalli, issa postu mistennija jeħduh aktar minn persuna waħda fi rwoli differenti.
Ian Borg qatt ma stenna li James Piscopo jittradih fl-appoġġ għat-tellieqa tal-leadership tal-Partit Laburista, iżda darba ħarġet fiċ-ċar li James Piscopo – ħabib personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat – kien se jsegwi x-xewqa ta’ Kastilja u jimbotta l-karru ta’ Miriam Dalli, allura s-Super-Minister Ian Borg ra kif għamel u qatgħalu rasu mill-kariga li kien jokkupa.
Din l-aktar manuvra reċenti ta’ Ian Borg biex jirbaħ it-tmexxija tal-Partit hi ħolqa oħra fis-sensiela ta’ manuvri li l-istess Ministru issa ilu jagħmel. Dan biex hekk minn underdog issa ftit ftit qed iressaq lejh esponenti varji tal-Partit, fosthom bħal Ronnie Pellegrini li bosta anqas biss iriduh ħabbata wara biebhom aħseb u ara kemm iridu jaħdmu miegħu minħabba l-estremiżmu tiegħu.
Isem Ronnie Pellegrini mhux biss ifakkar lil ħafna fil-mod kif kien jimmilita b’mod agressiv meta kien jifforma parti mit-Tmexxija tal-General Workers’ Union, iżda l-apiċe kien il-famuż messaġġ li hu kien kiteb fuq il-media soċjali meta kien stqarr li iva l-Laburisti għandhom ikunu ppreferuti fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Dak kien każ li jeħodna lura għas-sajf tal-2016 meta Ronnie Pellegrini kien iddikjara li hu favur id-diskriminazzjoni politika, u mhux talli jemmen fiha hu nnifsu, iżda talli nstiga li d-diskriminazzjoni għandha tkun fuq kull livell.
Dakinhar id-dikjarazzjoni ta’ Ronnie Pellegrini kienet imbaarazzat kemm lill-Gvern inġenerali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll u bl-aktar mod dirett lill-Ministri Helena Dalli u Owen Bonnici.
Dakinhar ta’ dak l-inċident partikulari sorsi qrib il-Ministru Owen Bonnici kienu qalu li l-istess Ministru Owen Bonnici sa mill-bidu nett ma kienx ħa gost li taħt id-dekasteru tiegħu kien se jkollu persuna bħal Ronnie Pellegrini. Dan mhux biss minħabba l-passat tqil tiegħu meta kien id-dell tal-eks Ministru Lorry Sant, imma anki għaliex iservi ta’ widna għal Joseph Muscat u għalhekk bih ma’ riġlejh ma tantx iħossu liberu.
Bla dubju ta’ xejn li dik id-dikjarazzjoni li kien għamel Ronnie Pellegrini mhux biss li reġgħet kixfitlu l-maskra ta’ kemm kien estremist ilbieraħ, imma anki dwar kemm għadu estremist saħansitra llum il-ġurnata wkoll.
Dik id-dikjarazzjoni kienet biżżejjed biex, kieku kien serju, immedjatament ma kienx jibqa jifforma parti mill-Bord tal-Governanza Lokali dwar il-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
Ma jistax ikollok fiduċja f’persuna tali li tiddikjara bla ebda mistħija li temmen fid-diskriminazzjoni u mbagħad tkun tokkupa kariga daqstant importanti fil-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli.
Il-Ministru Owen Bonnici kien konxju minn dan iżda kellu jdejh marbuta għaliex l-istess Ronnie Pellegrini dakinhar kien meqjus fost l-aktar ta’ ġewwa fil-klikka tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Hu fatt magħruf ma’ kulħadd li Ronnie Pellegrini hu persuna magħrufa għall-partiġjaniżmu favur il-Partit Laburista u sakemm jagħlaq ħalqu u jagħmel xogħlu bis-serjetà ma hemm l-ebda problema, iżda li minn fuq baqa’ jaqbeż kull limitu, dan ma hux aċċettabbli.
Ronnie Pellegrini, id-dell tal-eks Ministru Laburista Lorry Sant li ismu hu sinonimu mal-ħniżrijiet li saru mill-Gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin u tmenin, sentejn ilu reġa’ mill-ġdid fl-aħbarijiet wara li kien stqarr li hu japprova d-diskriminazzjoni fil-postijiet tax-xogħol abbażi ta’ twemmin politiku.
Dakinhar f’kumment fuq il-Facebook Ronnie Pellegrini, li kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ Chief of Staff tal-Ministru Helena Dalli li ironikament kienet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, kien stqarr li iva l-Laburisti għandhom ikunu ppreferuti fir-Residenza tal-Anzjani San Vinċenz de Paul.
Hu kien għamel dik id-dikjarazzjoni wara li ftit qabel Denis Tanti, eks Assistent Direttur fid-Divizjoni tas-Saħħa, kien żvela diversi episodji ta’ aġir diskriminatorju minn Josianne Cutajar, li kienet il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul. Ronnie Pellegrini b’riferenza għal dak li qal Denis Tanti kien kiteb il-kliem: “Hekk għandu jkun !”
Ma kenux biss aktar ħaddiema li jservu f’San Vinċenz de Paul li dakinhar kienu wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ Ronnie Pellegrini, filwaqt li kienu kkonfermaw ukoll li ripetutament Josianne Cutajar ma tiddejjaqx tmexxi b’mod diskriminatorju fost il-ħaddiema.
Bosta jibqgħu jiftakru tajjeb lil Ronnie Pellegrini fi żmien Gvernijiet Laburisti ta’ Duminku Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici lura fis-snin sebgħinu fis-snin tmenin meta l-istess Ronnie Pellegrini kien jimmilita bis-sħiħ fil-Partit Laburista qrib ħafna tal-eks Ministru Lorry Sant li ismu jibqa’ sinonimu ma’ ħafna ħniżrijiet li saru fl-istorja politika f’dawk is-snin.
Ronnie Pellegrini, li kien ukoll jokkupa diversi pożizzjonijiet għoljin fi ħdan il-General Workers’ Union, kien kunsidrat l-id il-leminija u d-dell tal-eks Ministru Lorry Sant. Mhux biss attivist kbir, iżda għeruqu fil-Partit Laburista jmorru lura għall-1971 meta l-Partit rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali.
//= $special ?>