Atletika Lokali Saħħa Sport

Screening b’xejn għal atleti u persuni oħra b’diżabilità

'Il fuq minn 1,800 screening f'ġimgħa

Fil-kumpless sportiv tal-universita’ bħalissa għaddejja attivita’ ta’ screening ta’ atleti li se jipparteċipaw fl-olimpjadi speċjali. Iżda mhux biss.

Din l-attivita’ li diġa’ saret fi snin mgħoddija minn Special Olympics Malta, din is-sena ħadet xejra ferm iktar inklussiva hekk kif infetħet mhux biss għall-atleti, iżda wkoll għal kull min għandu diżabilità’ intelletwali jew fiżika. Dan qed isir bis-saħħa ta’ koperazzjoni mal-Fondazzjonai Golisano.

Fil-kumpless hemm tlett stazzjonijiet mediċi bl-isem ta’ Fun Fitness, Special Smiles u Fit Feet.
Timijiet ta’ podoloġisti, dentisti u fiżjoterapisti, li hemm f’dawn l-istazzjonijiet qed jagħmlu screenings fuq is-saqajn, is-snien u s-saħħa ġenerali ta’ dawk li qed imorru fil-kumpless għal dan il-għan.

Il-ħsieb wara dan l-iscreening huwa li jiġu identifikati problemi ta’ saħħa li jistgħu jeżistu u li l-pazjent ma jkunx għadu nduna bihom jew li ma jkunx jista jesprimi ruħu dwarhom.
Tul din il-ġimgħa kien hemm tfal u adulti li ġew riferiti l-isptar jew kliniċi għall-kura ta’ kundizzjonijiet li ġew indentifikati permezz ta’ dan l-iscreening.
Din is-sena hu maħsub li se jsir mal-1800 screening waqt din l-attivita’.

Waqt l-iscreening qed jintużaw testijiet standard li jsiru fuq l-atleti, u r-riżultati qed jitniżżlu fuq ktejjeb li qed jissejjaħ My Healthy Athletes Passport.
Dan il-ktejjeb jibqa jintuża mill-atleta jew l-individwu għall-tlett snin.

L-iscreening kollu qed isir b’xejn u jinvolvi tim kbir ta’ volontarji li qed jassistu lil Special Olympics Malta.
L-attivita’ tagħlaq il-Ġimgħa b’ ċerimonja li tulha se jiġu ppreżentati l-atleti li se jirrappreżentaw lil Malta fl-olimpjadi ta’ Abu Dhabi s-sena d-dieħla.