Lokali

Spanjol jinstab mejjet f’Dellimara

Sħabu kienu ilhom mill-bieraħ ifittxuh fiz-zona ta' St. Peter's Pool

Ġuvni Spanjol ta’ 17-il sena nstab mejjet wara li lbieraħ filgħaxija intilef fil-baħar waqt li kien qed jgħum ma’ sħabu fl-akwati ta St Peter’s Pool f’Delimara. Sħabu kienu ilhom lejl sħiħ ifittxuh fiz-zona.

Net News hu nfurmat li l-ġuvni nqata’ minn ma’ sħabu għall-ħabta tal-4pm u ma rritornax lura. It-tfittxija għaż-żagħżugħ kellha tieqaf ilbieraħ filgħaxija, iżda tkompliet kmieni dalgħodu fejn għall-ħabta tat-8 ta’ filgħodu instab il-katavru.

Il-ħidma biex jinstab iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kienet qed issir mill-Pulizija tad-Distrett, membri mir-Rapid Intervention Unit, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili  u kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta.

L-Ispanjol instab bla ħajja kmieni dalgħodu.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ħatret diversi esperti biex jassistuha.