Futbol Sport

Stefano Sanderra jinħatar kowċ ta’ Hibernians

Mix-xellug: L-assistent kowċ Ryan Pulis, il-kowċ Stefano Sanderra u l-kowċ tal-gowlkipers Mario Muscat

Il-klabb tal-Kampjonat Premier Hibernians ħabbar li ħatar lil Stefano Sanderra bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb. Fl-istaġun li għadda, Hibernians kellhom kampjonat diżappuntanti fejn naqsu li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat li kienu rebħu staġun qabel.

Huma tilfu wkoll is-Super Cup kontra Floriana u fil-kampjonat temmew fis-sitt post biex b’hekk naqsu li jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Hibernians saħansitra neħħew lil Mark Miller fil-kariga qabel tmiem l-istaġun, b’Mario Muscat jieħu t-tmexxija tat-tim sa tmiem l-istaġun.

Muscat żamm postu bħala kowċ tal-gowlkipers filwaqt li l-assistent kowċ se jkun Ryan Pulis li fil-passat ħadem ma’ Jacques Scerri fil-Kampjonat Premier ma’ Tarxien Rainbows u Ħamrun Spartans.

Sanderra li għandu 51 sena hu minn Ruma. Hu beda l-karriera ta’ kowċ ta’ 27 sena u mexxa diversi timijiet fosthom Potenza, Frosinone, Cosenza, it-tim ta’ taħt id-19-il sena ta’ Messina, Latina Calcio, Salernitana, Catanzaro, Viterbese u Sambenedettese. Mat-tim tal-Aquila rebaħ il-kampjonat tas-Serie D kif ukoll żewġ promozzjonijiet ma’ Latina.

Wieħed mill-ewwel impenji ta’ Sanderra bħala kowċ ta’ Hibernians se jkun li jgħaqqad tim kompetittiv għall-kampjonat li jibda kważi sitt ġimgħat oħra. Hibernians jinsabu f’fażi ta’ tranżizzjoni fejn anki tilfu plejers bħal Rodolfo Soares, Jorginho u Clayton Failla.