Futbol Sport

Darren Abdilla determinat li jaċċerta l-kwalifikazzjoni storika ta’ Gżira United

(Ritratt: Matthew Tabone)

Wara li l-ġimgħa l-oħra rebħu 2-0 f’Andorra kontra Sant Julia, Gżira United jibdew favoriti li jikkwalifikaw għall-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League, f’dik li tkun ħaġa storika wara nuqqas ta’ 45 sena. Il-kowċ Darren Abdilla wera ottimiżmu f’konferenza stampa lejliet il-logħba.

Abdilla qal li hu qalbu qawwija li l-vantaġġ li għandhom ma jintilifx u saħaq li kulħadd jinsab determinat li jagħlqu l-logħba kemm jista’ jkun malajr. Minkejja l-vantaġġ tajjeb li għandhom, Abdilla żied li mhux se jafdaw u l-plejers jinsabu ffukati li jiksbu l-kwalifikazzjoni importanti.

Kawt bħal dejjem, Darren Abdilla tkellem dwar l-iskwadra tiegħu. Hu qal li malli spiċċa l-istaġun li għadda, bdew jaħdmu biex isaħħu t-tim. “Rajna fejn nistgħu nsaħħu u kkonfermajna kull Malti li kellna fl-iskwadra, fejn akkwistajna lil Zach Scerri għal kollox. Il-barranin irridu nkunu nafuhom għaliex ma rridx nieħu riskju u hekk għamilna b’Thomas Veronese, Rodolfo Soares u Jorginho.

Fl-aħħar logħba, Darren Abdilla beda b’Justin Haber fil-lasta, Clifford Gatt Baldacchino, Rodolfo Soares u Prince Mambouana bħala difensuri ċentrali, Roderick Briffa u Thomas Veronese mal-linji, Nikolai Muscat, Edison Bilbao Zarate u Andrew Cohen f’nofs il-grawnd u Ndubisi Okoye u Amadou Samb fl-attakk. Il-kowċ ta’ Gżira indika li jista’ jżomm l-istess formazzjoni ta’ ġimgħa ilu, iżda ma eskludix li jista’ jkun hemm xi bdil ta’ plejers.

Il-kowċ ta’ Gżira qal li kien kuntent bl-andament ta’ kif lagħab it-tim iżda kien hemm ċertu żbalji li ħadem fuqhom f’din il-ġimgħa. Abdilla żied li t-tim jinsab fiżikament aħjar, grazzi għal investiment li t-tim għamel biex isegwi l-kundizzjoni tal-plejers b’apparat elettroniku.

Il-captain tat-tim Andrew Cohen qal li fl-ewwel logħba ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor u wara ħames ġimgħat jippreparaw għal dawn iż-żewġ logħbiet, jittama li t-tim japprofitta mis-sitwazzjoni li jinsab fiha.

Mistoqsi dwar il-fatt li lagħab ma’ Soares u Jorginho fil-passat, Cohen qal li “tim ma jistax jaqbad u jpoġġi l-plejers imma jridu jidħlu f’tim. Jorginho jogħġobni għaliex hu attakkant li jattakka l-ispazji,” temm jgħid Cohen.

UEFA Europa League

Illum

Gżira U. v Sant Julia     7.00pm