Lokali

FILMAT: Jibdew l-azzjonijiet; Deputati Laburisti jaħarbu mistoqsijiet dwar it-tbatija tal-pazjenti

"L-aqwa żmien"... imma mhux ghall-pazjenti; In-nuqqas tal-Gvern li jilħaq ftehim wassal biex illum bdew azzjonijiet industrijali fiċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet kollha

Minn Mario Frendo u Christine Amaira

Deputati tal-Gvern ta’ Muscat ma kellhom l-ebda risposta dwar meta l-Gvern beħsiebu jsib żblokk għas-sitwazzjoni preżenti mal-MUMN, hekk kif minn filgħodu bdew azzjonijiet industrijali mill-infermieri u l-qwiebel kollha fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa kollha ta’ Malta u Għawdex.

Dan kif llum kull min qiegħed f’xi sptar jew ċentru tas-saħħa jew f’xi dar tal-anzjani f’Malta jew Għawdex, qiegħed ibati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-gvern fil-konfront tat-talbiet tal-union tal-infermiera.

Quddiem din is-sitwazzjoni kemm id-Deputat u Whip tal-Gvern Byron Camilleri kif ukoll id-Deputat Stefan Zrinzo Azzopardi, ħarbu mill-kamra tal-konferenzi quddiem mistoqsijiet ta’ NET News.

L-azzjonijiet industrijali daħlu fis-seħħ wara ġimgħat, jekk mhux xhur, ta’ attentati min-naħa tal-MUMN biex tagħlaq ftehim settorjali ġdid għall-infermieri – bil-Gvern jibqa’ jonqos milli joffri soluzzjonijiet sodisfaċenti, u b’konsegwenza negattiva għal eluf ta’ pazjenti, partikolarment anzjani.

F’attentat li jiddevja l-problema li hawn fil-qasam tas-saħħa, id-Deputat Zrinzo Azzopardi nfexx f’eloġji għall-Gvern u slogans politiċi, flok ma ndirizza l-fatt li eluf ta’ pazjenti qed jintlaqtu mill-azzjonijiet industrijali.

Camilleri u Zrinzo Azzopardi naqsu milli jwieġbu l-mistoqsijiet ta’ NET News waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dwar il-ħidma tal-Parlament hekk kif dan ġie aġġornat għall-1 ta’ Ottubru li ġej.

Id-Deputati Laburisti nfexxew f’eloġji u slogans flok wieġbu mistoqsija diretta: Meta se jintlaħaq ftehim mal-MUMN?